Edukazzjoni Lokali

L-MUT tnedi dokument ta’ sittin proposta għall-elezzjoni ġenerali

L-MUT nediet dokument ta’ sittin proposta dwar l-edukazzjoni bl-għan li l-partiti politiċi japplikawhom fil-programm elettorali għall-elezzjoni ġenerali.

Permezz tat-tnedija ta’ dan id-dokument, bl-isem ta’ ‘L-Edukazzjoni f’Malta’, l-MUT qed tittama li ssir diskussjoni fuq livell nazzjonali sabiex is-settur ikollu iktar flessibiltà u awtonomija.

Fost il-proposti hemm li:

  1. id-deċiżjonijiet fil-qasam edukattiv jittieħdu skont ir-riċerka li ssir;
  2. titwaqqaf kummissjoni permanenti għall-edukazzjoni f’pajjiżna li tinkludi l-imsieħba ewlenin fis-settur;
  3. id-Direttorat tal-Kwalità u l-Istandards għandu jiġi mibdul f’entità awtonoma għall-ħarsien tal-kwalità u l-istandards edukattivi;
  4. jiġu identifikati r-raġunijiet ewlenin għaliex is-settur m’għadux jattira biżżejjed żgħażagħ biex jidħlu fil-professjonijiet tal-qasam edukkativ;
  5. jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ mobilità fl-impjiegi, permezz ta’ istituzzjonijiet ta’ taħriġ;
  6. ikun hemm aktar flessibilità sabiex dawk fuq parental leave jew leave ieħor ikollhom lgħażla li jaħdmu numru ta’ sigħat fuq bażi part-time;
  7. tiġi aġġustata l-pensjoni sabiex tagħmel tajjeb għall-piżijiet finanzjarji li jgħaddu minnhom il-pensjonanti;
  8. isir il-proġett għall-provvista tal-ilma tax-xorb f’kull skola hekk kif dan hu ta’ għajb li sal-lum għad għandna l-maġġoranza tal-iskejjel li ma jipprovdux dan;
  9. jiġu konklużi n-negozjati dwar ftehim kollettiv ġdid tal-letturi tal-Junior College; u
  10. issir diskussjoni u tittieħed azzjoni dwar prattiċi li ddaħħlu waqt il-pandemija u jekk hemmx lok li l-prattiċi li ħadmu jinżammu wara l-pandemija.

L-MUT saħqet li l-istruttura edukattiva ta’ Malta jeħtiġilha li tiġi mħarsa u trasformata biex taqdi kemm lill-istudenti u anke lill-edukaturi hekk kif din hi l-futur ta’ pajjiżna.