Basketball Sport

Starlites u Bupa Luxol fis-semifinali

Colin Schembri

Tazza Louis Borg Irġiel

Bdiet kompetizzjoni oħra, t-tazza Louis Borg li tradizzjonalment tintlagħab fuq żewġ partiti u r-rebbieħ bl-aggregate jikkwalifika għall-fażi li jmiss. Fil-konfronti tar-round preliminari, Starlites serrħu rashom sa’ mill-ewwel leg b’rebħa ta’ 29 punt fuq Gżira Athleta fil-waqt li l-konfront bejn BUPA Luxol u Depiro kien ferm aktar missielet b’dawn tal-aħħar ma jirnexxielhomx idawwru r-riżultat fit-tieni leg biex Luxol għaddew għas-semifinali.

Starlites Naxxar 103

Gżira Athleta 74

(24-16)(22-16)(23-21)(34-21)

Starlites: A. Felice Pace 20, I. Azzopardi, A. Azzopardi, I. Felice Pace 6, M. Fabri 8, L. Riolo 3, M. Scerri 3, J. Bates 32, L. Farrugia 1, K. Xuereb 4, J. Haynes 4, M. Thomas 21.

Gżira Athleta: Z. Hudson 31, F. Mifsud Bonnici 12, L. Stefanovic 3, J. Ellul Dowling, M. Gouder 19, I. Xuereb 1, S. Vincic, J. Ransley, R. Abela, B. Zammit 8.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Nicky Azzopardi.

Fl-ewwel partita Starlites kisbu rebħa ta’ 29 punt meta għelbu lil Gżira Athleta 103-74 fejn it-team tal-Athleta kompla jkun milqut mill-isfortuna dan l-istaġun hekk kif Shawn Montague ma rkuprax u ftit hemm tama li jkompli l-istaġun. Huma kienu wkoll mingħajr Nathan Xuereb b’żagħżagħ bħal Jordan Ellul Dowling u Isaac Xuereb jieħdu sehem fil-partita. Paul Ferrante wkoll ta ħin lill-players kollha li kellhu għal din il-partita. Il-partita kellha bidu bilanċjat fejn għal xi ħin Athleta żammew il-pass mall-avversarji u wara li Starlites fetħu bil-punti ta’ Alec Felice Pace u Myles Thomas, Athleta kellhom risposta minn Zachary Hudson, Mattew Gouder u trippla ta’ Luca Stefanovic. Starlites komplew it-taqsima bi breaks qosra ta’ 8-2 u 7-2 biex temmew l-ewwel sessjoni 24-16 minn fuq. Fit-tieni perjodu, kien hemm trippla fuq kill naħa minn Francesco Mifsud Bonnici u Miguel Fabri qabel ma Jacob Bates kabbar il-vantaġġ ta’ Starlites għal 11 -il punt 33-22. Hawn waslu aktar three pointers fuq iż-żewġ naħat biex il-vantaġġ ta’ Starlites kiber għal 14 -il punt 46-32.

Wara l-mistrieħ, Athleta fetħu tajjeb u trippli minn Mifsud Bonnici u Billy Zammit rawhom inaqqsu d-distakk għal 6 punti 40-46. Starlites però malajr irkupraw u għamlu run ta’ 14-4 bit-trippli ta’ Matthew Scerru u Thomas u minkejja risposta minn Athleta bi break ta’ 9-2, huma xorta kellhom vantaġġ ta’ 16 -il punt fi tmiem it-taqsima 69-53. Fl-aħħar perjodu Starlites għalqu l-partita meta għamlu run ta’ 17-0 b’diversi punti ta’ Bates flimkien ma’ Felice Pace, Kurt Xuereb u Thomas. Athleta waqqfuhom bi trippla ta’ Zammit però Bates kompla għaddej bil-punti tiegħhu għal Starlites li kellhom ukoll trippla ta’ Luca Riolo. Basket ta’ Jamiah Haynes għaqqdilhom il-100 punt hekk kif huma ħarġu rebbieħa 103-74.

Gżira Athleta 67

Starlites Naxxar 71

(16-23)(20-8)(15-25)(16-15)

Gżira Athleta: Z. Hudson 30, F. Mifsud Bonnici 6, L. Stefanovic 11, J. Ellul Dowling, M. Gouder 4, I. Xuereb 2, S. Vincic, J. Ransley, R. Abela, B. Zammit 14.

Starlites: A. Felice Pace 15, I. Azzopardi, A. Azzopardi 2, I. Felice Pace 2, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 2, J. Bates 24, L. Farrugia, K. Xuereb 3, J. Haynes 7, M. Thomas 16.

Referees: Gordon Barbara, Ivica Simic, Nicky Azzopardi.

It-tieni partita kienet aktar missieleta bl-Athleta għal xi waqtiet jieħdu vantaġġi li setgħu tawhom ir-rebħa fil-partita għalkemm kienu ‘l bogħod fl-aggregate finali li ra lil Starlites jikkwalifikaw fuq- skor ta’ 174-141. Athleta fetħu bil-punti ta’ Gouder u kellhom ukoll trippli minn Hudson u Zammit fil-waqt li għal Starlites beda jirrispondi Myles Thomas li bi trippla ppareġġja l-partita fuq skor ta’ 9-9. Hawnekk waslet run ta’ 14-0 minn Starlites b’Felice Pace jagħmel żewġ trippli għal skor ta’ 23-16 fi tmiem l-ewwel sessjoni. Athleta rkupraw fit-tieni perjodu fejn kienu huma li għamlu run ta’ 17-4 maqsuma bejn Hudson, Stefanovic u Zammit li rathom imorru fuq quddiem 33-27. Sal-intervall, Stefanovic għamel trippla oħra biex Athleta daħlu jistrieħu 36-31 minn fuq.

Fit-tielet taqsima Athleta kabbru l-vantaġġ għal 8 punti qabel ma Starlites wieġbu b’run ta’ 13-0 bi trippli ta’ Felice Pace u Xuereb. Għal darbtejn, Athleta rnexxielhom jippareġjaw il-partita però Starlites għamlu l-aħħar 5 punti għal skor ta’ 56-51. L-aħħar taqsima kienet l-aktar waħda bilanċjata b’diversi players żagħżagħ fuq il-court. Kien hemm ħin għall-aktar trippli minn Zammit u Bates fost l-oħrajn biex Starlites rebħu l-partita 71-67.

Bupa Luxol 77

Depiro 66

(21-20)(24-15)(16-16)(16-13)

Luxol: M. Sciberras, P. Attard 9, JP Schembri 11, A. Trapani, L. Trapani, C. Coffey 18, M. Matijevic 2, S. Cappello 14, W. Claiborne 23.

Depiro: S. Galea 3, A. Sullivan 13, A. Attard 6, N. Grech, TJ Atwood 36, M. Brincat 8, M. Mallia, M. Debattista, L. Vella.

Referees: Bernard Vassallo, Ivica Simic, Vladimir Nikolic

Bupa Luxol ħadu vantaġġ ta’ 11 -il punt għat-tieni leg meta għelbu lil Depiro 77-66 fl-ewwel partita. Luxol li kienu mingħajr Slavko Opojevlic u Juan Cefai però rkupraw lil Marco Matijevic kellhom mument mill-aqwa fit-tieni sessjoni li rriżulta deċisiv għar-rebħa finali. L-ewwel sessjoni kien missielta biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin. Depiro ħadu vantaġġ ta’ 5 punti 13-8 wara baskets minn TJ Atwood u u Avery Sullivan fost l-oħrajn. Għal Luxol kien hemm risposta minn Stefan Cappello u William Claiborne flimkien ma’ trippla ta’ Paul Attard. Luxol komplew bl-aħħar sitt punti tat-taqsima li għalqet fuq skor ta’ 21-20. Fit-tieni taqsima, Depiro reġgħu ħadu l-vantaġġ wara trippli minn Miguel Brincat u Sullivan 29-25. Hawn waslet run ta’ 13-0 minn Luxol bi tlett trippli wara xulxin ta’ Canaan Coffey li sa’ dak il-ħin kellhu partita kwieta. Kien hemm ukoll trippla ta’ Jean Paul Schembri li rat lil Luxol jiftħu vantaġġ ta’ 10 punti 41-31, liema distakk inżamm sal-intervall bil-Luxol fuq quddiem 45-35.

Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni reġa’ kien hemm baskets fuq kull naħa qabel ma Luxol għamlu run qasira ta’ 9-2 li rathom ikabbru l-vantaġġ għal 13 -il punt 58-45. Atwood wieġeb għal Depiro biex ressaqhom seba’ punti ‘l bogħod però kienu Luxol li temmew it-taqsima bil-punti ta’ Claiborne u Coffey għal skor ta’ 61-51. Fl-aħħar sessjoni Luxol reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 15 -il punt 68-53 bil-punti ta’ Schembri u Cappello. Depiro wieġbu b’run ta’ 10-2 bi trippli minn Atwood u Andy Attard biex naqqsu d-distakk għal seba’ punti. Claiborne u Coffey bi trippla għamlu l-aħħar punti tal-Luxol bil-partita tintemm bi trippla oħra ta’ Attard li rat id-distakk bejn iż-żewġ timijiet jinżel għal 11 -il punt 77-66.

Depiro 89

Bupa Luxol 86

(18-11)(25-21)(21-17)(25-27)

Depiro: S. Galea 15, A. Sullivan 32, A. Attard 9, N. Grech, TJ Atwood 23, M. Brincat 1, M. Mallia 5, M. Debattista 4, L. Vella.

Luxol: M. Sciberras, P. Attard 21, JP Schembri 9, A. Trapani, L. Trapani, C. Coffey 23, M. Matijevic 4, S. Cappello 6, W. Claiborne 23.

Referees: Ivica Simic, Ionut Ciurariu, Florentina Ciurariu

Fl-isbaħ partita mir-round preliminari, Depiro għelbu lil Luxol 89-86 però ma kinitx biżżejjed biex jaqilbu r-riżultat bil-Luxol jikkwalifikaw għall-finali bi skor ta’ 163-155. Partita li fiha sarhu 25 three pointer, 10 minn Depiro u 15 minn Luxol fosthom sebgħa minn Paul Attard. Konxji mill-fatt li riedu rebħa b’aktar minn 11 -il punt, Depiro ħarġu agressivi u kellhom it-trippli ta’ Sullivan però Luxol ukoll wieġbu bit-three pointers ta’ Coffey għal skor ta’ 10-7. Hawn ġiet run qasira ta’ 8-2 minn Depiro qabel ma Claiborne għamel l-aħħar punti ta’ Luxol għal skor ta’ 18-11. Fit-tieni perjodu, kien hemm aktar punti fuq iż-żewġ naħat, fejn Depiro kellhom fost l-oħrajn trippla minn Sean Galea u l-punti ta’ Brincat u Atwood però Luxol ukoll irrispondew bit-three pointers minn Attard u Schembri biex il-vantaġġ ta’ Depiro niżel għal 2 punti 28-26. Depiro inewtraliżżaw id-distakk wara break ta’ 12-0 mibdi bit-trippli ta’ Brincat u Galea u li rahom imorru 14 minn fuq 40-26. Claiborne waqqfilhom ir-run għalkemm kien hemm trippla oħra ta’ Attard biex fl-intervall, Depiro kienu 43-32 minn fuq.

Iż-żewġ timijiet issa kienu fuq parita bl-aggregate u fit-tielet sessjoni Depiro bdew iżommu dan id-distakk għalkemm Luxol kellhom lil Attard jagħmel trippli kontinwament. Żvolta mportanti fil-partita kien ir-raba’ foul ta’ Sullivan bil-coach James Bamfield jibdel il-markatura fuq Claiborne u dan fisser li Coffey sab iktar spazju u kienu 8 punti konsekuttivi tiegħu li waqqfu l-mixja tad-Depiro hekk kif id-distakk reġa’ naqas għal 5 punti fi tmiem il-perjodu bid-Depiro fuq quddiem 64-59. Fl-aħħar sessjoni Luxol irnexxielhom saħansitra jieħdu l-vantaġġ wara aktar trippli minn Coffey, Schembri u Attard. Depiro għamlu l-aħħar sforz li wassal għal run ta’ 11-3 li minkejja li tahom ir-rebħa fuq skor ta’ 89-86, ma kienx biżżejjed biex jaqilbu r-riżultat u Luxol għaddew għas-semifinali.