Elezzjoni 2022 Lokali Proposti 2022

“Il-prodott Malti għandu jkun apprezzat dejjem” – Bernard Grech

Gvern ġdid Nazzjonalista se jippromwovi l-prodott lokali

Aktar proposti mill-PN… Proposti għas-settur agrikolu sabiex jinċentivaw lill-bdiewa.

Dalgodu l-Kap tal-Partit Nazzjonlista Bernard Grech iltaqa’ ma’ diversi bdiewa fejn sema’ t-tħassib tagħhom u wassal il-viżjoni li għandu l-Partit Nazzjonalista għas-settur agrikolu.

Sentiment komuni fost il-bdiewa tal-Imġarr u ż-Żebbiegħ kien it-tħassib tagħhom dwar diversi sfidi li qed jaffettwaw il-ħidma tagħhom, fosthom il-piżijiet burokratiċi li żdiedu f’dawn l-aħħar snin – piżijiet li qed iwasslu biex iż-żgħażagħ ma jgħażlux li jaħdmu dan ix-xogħol.

Quddiem din is-sitwazzjoni, il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jaħdem biex l-anomaliji żejda li jeżisstu, jitneħħew.

Fost il-proposti li l-Partit Nazzjonalista għandu għal dan is-settur hemm it-twaqqif ta’ aġenzija għall-Promozzjoni tal-Prodott Malti, programm intensiv ta’ inċentivar tal-produzzjoni organika favur ambjent naturali u programm estensiv ta’ edukazzjoni u proġetti li jattiraw bdiewa żgħażagħ. Apparti dan se jingħata appoġġ lill-bdiewa permezz ta’ sostenn tas-suq lokali u tnaqqis fil-piż eċċessiv tar-regolamentazzjoni u l-ispejjeż li poġġew lill-biedja Maltija f’morsa inġusta. 

Gvern ġdid Nazzjonalista se jindirizza l-ispejjeż tal-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala billi jgħinhom jaċċessaw fondi Ewropej, idaħħal sistema ta’ sussidju fuq fjuwil u jelimina r-rensta tal-meters tad-dawl u l-ilma.

Matul din iż-żjara, Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali li se jikkontestaw f’isem il-Partit Nazzjonalista Graziella Galea, Rebekah Cilia, Alessia Psaila Zammit, Edwin Vassallo, Charles Azzopardi, Anton Mifsud u Ian Vassallo.