Elezzjoni 2022 Lokali

Gvern Nazzjonalista bi tnaqqis fir-rata tal-VAT sabiex jixpruna l-industrija tat-turiżmu

Gvern Nazzjonalista se jkun qed inaqqas ir-rata tal-VAT għal 7% lill-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb.

Irridu ninċentivaw l-industrija tat-turiżmu sabiex inkomplu nsaħħu dan il-qasam tant kruċjali għal pajjiżna, prinċiparjament billi nagħtu spinta kbira lill-istabbilimnenti tal-ikel u x-xorb bi tnaqqis fir-rata tal-VAT.

Dan stqarru l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’attività indirizzata minn taħt it-tinda ġewwa l-Mellieħa. B’riferenza għall-industrija tat-turiżmu, li hija tant b’saħħita f’din il-lokalità, il-Partit Nazzjonalista jrid illi jinċentiva din l-industrija sabiex noħolqu industrija tat-turiżmu evoluta; b’valur ogħla bl-inqas impatt ambjentali possibbli. Dan kollu bbażat fuq il-100 proposta ppubblikati fil-Pjan tal-Irkupru tat-Turiżmu 2+8.

Fil-Mellieħa Bernard Grech beda d-diskors tiegħu billi reġa’ appella lill-Prim Ministru Robert Abela biex minnufih jieqaf ibiegħ passaporti ta’ Malta lil persuni Russi. Il-Kap tal-PN għamel dan wara messaġġ ta’ solidarjetà mal-poplu Ukren li bħalissa jinsab taħt assedju mir-Russja. Hu fakkar lil Robert Abela li hawn kumpaniji kbar madwar id-dinja li qed iwaqqfu relazzjonijiet mar-Russja.

Bernard Grech kompla jispjega l-viżjoni tiegħu għal pajjiżna meta tkellem dwar aktar proposti li hemm fuq il-programm eletorali tal-PN li ġie mniedi fis-sigħat li ġejjin. Fosthom il-proposti għall-bidwi, ir-raħħal, is-sajjied u l-għaqdiet biex dawn ikollhom aktar flus fil-but u jkunu inċentivati biex jevitaw spejjeż mingħajr bżonn biex ikunu jistgħu jiffukaw aktar fuq il-prodott Malti. “L-ispiża tal-Gvern tkun investiment biex jibqa’ jkollna ikel bnin u ġenwin”, saħaq Bernard Grech. Hu fakkar ukoll fil-proposta tal-fond ta’ 40 miljun Ewro li se jgħin lin-negozji fl-importazzjoni u l-esportazzjoni, “nafu fejn qegħdin u nafu fejn sejrin.”

Il-Kap tal-PN ta wkoll dettalji dwar kif PN fil-Gvern se jinċentiva lill-industrija biex noħolqu industrija tat-turiżmu evoluta. Dan ifisser li din l-industrija tant importanti għal pajjiżna jkollha valur ogħla bl-inqas impatt ambjentali possibbli, ibbażat fuq il-100 proposta ppubblikati fil-Pjan ta’ l-Irkupru tat-Turiżmu 2+8. Dan il-pajn tħabbar mill-PN madwar sena ilu u huwa wkoll parti mill-viżjoni tal-PN għal Malta u Għawdex.

Proposta ewlenija tal-PN hija għajnuna kbira lin-negozji. Filfatt, Gvern ġdid tal-PN aċċerta li l-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb jingħataw spinta kbira permezz ta’ tnaqqis fir-rata tal-VAT għal 7%.

Matul id-diskors tiegħu, il-Kap tal-PN wiegħed li jekk jiġi fdat fit-tmexxija tal-Gvern, il-festi f’pajjiżna ser ikunu ċċelebrati b’mod normali u hawnhekk appella lill-Gvern biex jgħidilna għalfejn it-tfal fl-iskejjel għadhom iridu jlbsu l-maskri meta jkunu l-iskola.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista joħloq spazji organizzati u mantenuti għall-camping bil-faċilitajiet meħtieġa: dawl, ilma, iġjene, faċilitajiet tat-tisjir u l-bqija

F’messaġġ sinċier, Bernard Grech irringrazzja minn qalbu lil kull persuna fil-komunità “għaliex aħna dejjem konna poplu li nibżgħu għal xulxin, dawn huma l-valuri tagħna.” Il-Kap tal-PN saħaq li dan hu diskors li verament jemmen fih.