Ambjent Elezzjoni 2022 Lokali Proposti 2022 Transport

Gvern ġdid tal-PN se jwettaq proġett ta’ tramm modern

Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jimplimenta sistema ta’ transport tal-massa mingħajr binarji – sistema bl-aħħar teknoloġija, magħruf bħala ‘Trackless Tram’.

Hekk kif issa ġie mniedi l-Programm Elettorali tal-PN b’viżjoni għal Malta, ħarġu dettalji dwar il-proposti li qed jagħmel Bernard Grech għat-trasport tal-massa… viżjoni, li tibda ssolvi l-problema tat-trasport pubbliku u t-traffiku f’Malta.

Is-sistema tat-tramm hi proposta li tgħaddi minn toroq arterjali u distributorji permezz ta’ korsiji riservati. Permezz ta’ użu aħjar u aktar għaqli tal-ispazju tat-toroq, se jiġi żgurat li din is-sistema tkun veloċi u effiċjenti.

B’mod parallel se tkun implimentata sistema ta’ trasport pubbliku li tuża karozzi tal-linja jew tipi oħra ta’ vetturi biex tiżgura konnessjonijiet ahjar bejn żoni residenzjali, ċentri kummercjali, portijiet u zoni importanti oħra f’pajjizna.

Is-sistema ta’ trasport tal-massa proposta mill-PN ser tipprovdi alternattiva raġonevoli, tanġibbli u effettiva għall-vettura privata…. u fl-istess ħin tiżgura li l-implimentazzjoni ta’ din il-proposta ssir fi żmien ftit xhur billi inizjalment jiġu indirizzati l-prijoritajiet tar-rotot kollha u s-sinjali neċessarji, biex progressivament tiġi introdotta s-sistema li qed tiġi proposta. Din is-sistema se żżid il-kapaċità tat-toroq billi aktar nies u servizzi se jkunu jistgħu jivvjaġġaw b’inqas vetturi, u b’hekk ittejjeb il-kwalità tal-arja, il-mobilità u l-kwalità tal-ħajja fil-lokalitajiet tagħna.

Gvern ġdid tal-PN ser jibni wkoll network ta’ toroq taħt l-art biex jindirizzaw il-problema tal-konġestjoni tat-traffiku minn għeruqha … filwaqt li jinħolqu aktar spazji pubbliċi u jitjieb l-aċċess sigur għat-toroq miċ-ċiklisti.

Dan filwaqt li se jkunu inċentivati n-negozji li jipprovdu servizzi li jaddottaw miżuri intiżi biex inaqqsu l-konġestjoni u jressqu aktar nies lejn l-użu tat-trasport pubbliku.

Gvern immexxi minn Bernard Grech se jniedi wkoll programm nazzjonali li jimmira lejn l-inċentivar u l-iffaċilitar tal-użu tar-rota bħala mezz regolari ta’ trasport… bil-mira li fi żmien ħames snin madwar 10% tal-vjaġġi f’pajjiżna jsiru permezz tar-rota.