Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-President Zelensky ‘mira numru wieħed’ għall-assassinar

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li gruppi ta’ ‘assassini speċjalizzati’ mal-qawwiet Russi, bħalissa, qegħdin iwettqu kaċċa għalih u għal membri ewlenin tal-Gvern Ukren ‘bl-iskop li jeliminawhom bla ħniena’.

Zelensky qed jirreferi għalih innifsu bħala ‘il-mira numru wieħed għall-hit squads tal-President Russu Vladimir Putin’. Il-Mexxej Ukren hu wkoll konvint li Moska qed taħseb biex ‘ma tħallix traċċi mill-amministrazzjoni preżenti mmexxija minnu’ qabel tistalla Gvern pupazz fi Kiev.

Intant, il-belt kapitali tal-Ukrajna qed tidher biss ‘sigħat ‘il bogħod’ milli taqa’ lill-qawwiet Russi. Fl-istess ħin, Zelensky qal li t-truppi Russi  — ‘parti minn skwadra għal sabutaġġ’ – kienu infiltraw iz-zoni eqreb iċ-ċentru tal-kapitali ‘bil-għan li jsibu lilu u lil familja tiegħu’.

Volodymyr Zelensky insista li r-Russja għandha l-ħsieb biex ‘toqtol lill-Ukrajna politikament’ b’li telimina lilu bħala l-Kap tal-Istat. Fl-istess ħin, il-President Ukren ikkritika lill-Punent dwar ‘in-nuqqas ta’ appoġġ materjal għal pajjiżu’ wara l-invażjoni tal-artijiet Ukreni mill-qawwiet ta’ Putin.

Zelensky staqsa min, fost il-potenzi tal-Punent, hu lest biex jagħti lill-Ukrajna l-garanziji dwar l-isħubija tal-pajjiż fl-Alleanza tan-NATO. Fl-istess ħin, il-President Ukren qal li ‘il-poplu tiegħu tħalla waħdu biex jirreżisti l-magna tal-gwerra ta’ Putin meta kulħadd qed jibża’ milli jissieħeb fil-konflitt fuq in-naħa tal-Ukreni’.