Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: In-NATO qed tistazzjona l-qawwiet fl-Ewropa tal-Lvant

Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nato, Jens Stoltenberg, qal li l-Alleanza qed tistazzjona elementi tar-rapid response force tagħha fil-Lvant tal-Ewropa. Filwaqt li dawn il-qawwiet qegħdin jokkupaw iz-zoni tal-art u tal-baħar, in-NATO għamlitha ċara li mhix se tibgħat is-suldati fl-artijiet tal-Ukrajna, li mhix membru tal-Alleanza.

Madankollu, in-NATO qed tkompli ssaħħaħ il-preżenza fl-artijiet ftit ‘il hinn mill-Ukrajna u fejn qed ikunu stazzjonati anki l-ajruplani tal-gwerra. Dan waqt li l-Istati Uniti, il-Kanada, flimkien ma’ diversi pajjiżi Ewropej, diġà bagħtu eluf ta’ truppi minn tagħhom lejn ir-reġjun.

Fil-preżent, ‘il fuq minn 100 fighter jet tal-Alleanza qegħdin joperaw fi 30 lokalità ta’ difiża fl-Ewropa. Dan meta huma akkumpanjati minn aktar minn 120 bastiment tal-gwerra u tliet ‘strike carrier groups’.

Jens Stoltenberg qal li l-qawwiet tal-Alleanza se jiddefendu ‘kull pulzier tat-territorju tan-NATO’ minbarra li joffru appoġġ lill-Ukrajna kif ukoll lill-pajjiżi l-oħra fir-reġjun — inklużi Georgia, il-Moldova u l-Bosnija — li qed ikunu mhedda mir-Russja.