Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Ir-reġim ta’ Putin issa qed jhedded lill-Finlandja u l-Iżvezja

Il-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin wissa li kwalunkwe passi konkreti mill-Finlandja jew l-Iżvezja biex jissieħbu fl-Alleanza tan-NATO se jqanqlu ‘reazzjoni serja’ minn Moska.

Maria Zakharova, waħda mill-kelliema għar-reġim ta’ Vladimir Putin, għamlitha ċara, waqt diskors, li jekk kwalunkwe minn dawn il-pajjiżi Nordiċi jippruvaw isiru membri tan-NATO, ‘huma se jġarrbu l-konsegwenzi serji, minn aspett politiku u militari, u fejn ir-Russja jkollha tieħu l-passi biex tħares l-interessi tagħha’.

Zakharova qalet li r-Russja tqis l-impenn tal-Finlandja favur politika ta’ newtralità (minn aspett militari) bħala fattur importanti li jikkonsolida s-sigurtà u l-istabbilità fl-Ewropa tat-Tramuntana.

Intant, mhix l-ewwel darba li l-Finlandja kooperat mal-Alleanza tan-NATO u meta fl-aħħar sigħat bagħtet ir-rappreżentanti għal-laqgħa tal-Alleanza fi Brussell.

Proprju x-xahar li għadda, il-Prim Ministru tal-Finlandja, Sanna Marin qalet li hu ‘ferm improbabbli’ li pajjiżha japplika għal sħubija fin-NATO matul il-mandat tagħha.