Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: L-akbar battalji għall-kontroll tal-ibliet prinċipali

Il-media internazzjonali qed tikkonċentra, fil-parti kbira, fuq l-aħħar avvanzi tal-Armata Russa fi Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna. Iżda waqt li aktar ċivili qegħdin jingħataw l-armi biex jissieħbu mal-militar Ukren f’reżistenza għall-qawwiet ta’ Vladimir Putin, hemm ukoll battalji oħra, xejn anqas importanti, fir-reġjuni l-oħra tal-Ukrajna.

L-aħħar rapporti qed jirreferu għall-ġlied u ‘splużjoni kbira’ f’Kharkiv, it-tieni l-akbar belt tal-Ukrajna u li tinsab qrib il-fruntiera tar-Russja. Dan meta l-awtoritajiet lokali qed iħeġġu biex in-nies ifittxu l-kenn ‘fejn jistgħu’ fost il-bumbardamenti.

Rapporti oħra qed jirreferu għall-ġlied qalil fil-belt ta’ Chernihiv, bejn il-fruntiera tal-Ukrajna mal-Belarus u Kiev — kif ukoll f’Melitopol, lejn ix-xlokk tal-Ukrajna.

Intant, hemm indikazzjonijiet li l-qawwiet Russi, issa, infiltraw id-difiżi madwar Kherson — belt ewlenija fin-nofsinar tal-Ukrajna.