L-International Atomic Energy Agency (IAEA) – l-aġenzija globali għall-ħarsien tal-proliferazzjoni nukleari – sejħet biex il-qawwiet tar-Russja u l-Ukrajna jeżerċitaw il-massimu tal-kawtela viċin iz-zoni tal-impjant nukleari ta’ Chernobyl.
Is-sejħa tirrigwarda s-siti nukleari kollha fl-Ukrajna u wara li fl-aħħar sigħat, il-qawwiet Russi ta’ Vladimir Putin ħadu kontroll tas-sit ta’ Chernobyl fejn żammew priġunier lil numru ta’ ħaddiema mal-impjant.
Il-faċilità ta’ Chernobyl, f’nofs is-snin tmenin, kienet kaġun għall-akbar diżastru nukleari fl-Ewropa. Dan wara li sploda wieħed mir-reatturi mifnejn telgħet daħna kbira ta’ materjal radjuattiv fuq il-parti t’isfel tal-Ewropa, fost il-konsegwenzi devastanti u qattiela.
Intant, l-IAEA – li tippromwovi l-użi paċifiku tal-enerġija nukleari – qalet li qed issegwi l-iżviluppi fl-Ukrajna ‘b’sens kbir ta’ preokkupazzjoni’.
L-aġenzija qalet ukoll li l-awtoritajiet Ukreni kkonfermawlha li Chernobyl ‘jinsab f’idejn ir-Russi’ u li ma kien hemm l-ebda traċċi ta’ qerda fis-sit. Jidher ukoll li ma nqatel qatt fost il-ħaddiema ta’ Chernobyl, meta l-faċilità mgħadhiex tipproduċi l-materjal nukleari filwaqt li għandha zona ta’ esklużjoni madwarha.
Iz-zona ta’ esklużjoni inwistjoni hi, fil-parti kbira, nieqsa mill-ħajja, 36 sena wara l-isplużjoni qerrieda storika. It-tliet reatturi l-oħra tal-impjant nukleari laħqu ngħalqu sal-2000, bl-impjant, minn dak iż-żmien, ma jkomplix jiffunzjona.
Id-Direttur Ġenerali tal-IAEA, Mariano Grossi, qal, intant, li hu importanti ħafna li ma jsir xejn li jaffettwa b’xi mod il-faċilitajiet nukleari fiz-zona tal-esklużjoni fejn għad hemm il-livelli tar-radjazzjoni. Dan ukoll meta għad jistgħu jinqalgħu l-battalji ġodda fil-periferija tal-kumpless.
Ir-reattur li kkaġuna l-isplużjoni storika tal-1986 fil-preżent hu magħluq fi struttura tal-azzar u meta z-zona ta’ xi 4,000 kilometri kwadri madwar il-faċilità ilha abbandunata għal snin.
//= $special ?>