Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: ‘L-invażjoni ilha pjanata għal aktar minn sena’

Filwaqt li r-residenti ta’ Kiev  qegħdin jistennew ‘l-agħar tal-assedju’ fuq il-kapitali Ukrena, is-Segretarju tad-Difiża tar-Renju Unit, Ben Wallace, qal li l-President Russu Vladimir Putin kien ilu ‘aktar minn sena ossessjonat bil-pjan biex jinvadi lill-Ukrajna.

Wallace informa lil Sky News li Putin ilu x-xhur jagħti priorità lil din l-offensiva waqt li ma jeskludix li d-dettalji tal-pjan kienu mfasslin, minn xahar għal xahar, bis-sehem tal-Ġenerali ewlenin tal-Armata Russa.

Intant, ir-Renju Unit jemmen li l-isforzi diplomatiċi tal-Punent kienu destinati li jfallu għaliex Putin dejjem kellu f’moħħu li jaħtaf l-art tal-Ukrajna, irrispettivament miċ-ċirkustanzi u t-twissijiet dwar il-konsegwenzi.

Ben Wallace, fil-fatt, hu konvint li l-President Russu – l-istess bħall-eksdittatur Nażista Adolf Hitler qabel l-invażjoni tal-Polonja ( fl-1939) – ħa sehem f’sensiela ta’ taħditiet mingħajr l-ebda intenzjoni li jitbiegħed mit-triq tal-gwerra u meta l-azzjonijiet mill-militar ta’ Moska qegħdin jissarrfu f’dejjem aktar vittmi.