Elezzjoni 2022 Lokali

“Il-PN qed iwassal programm ta’ sostenn ċar għal kulħadd” – Bernard Grech

“Permezz tal-programm elettorali li ppreżentejna lbieraħ, urejna li l-Partit Nazzjonalista qed joffri viżjoni ċara… viżjoni li fiċ-ċentru tagħha hemm biss il-bniedem.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li saritlu minn Robert Cremona fuq Net Television.

Bernard Grech qal li mal-ewwel li tħabbret id-data tal-elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista mal-ewwel kien preparat tant li ħareġ bil-proposta ta’ fond ta’ biljun ewro li se joħloq għaxar setturi ekonomiċi ġodda.

Il-Kap tal-PN qal li mhux sorpriża lil-Gvern Laburista ma jaf kif jiġġieled l-għoli tal-ħajja għax ma mhux iħossu l-weġgħat tal-poplu.

Huwa qal li miegħek għal Malta nistgħu nibnu Malta aħjar għal kulħadd, fejn kulħadd iwettaq il-ħolm tiegħu u jgħix ħajja dinjituża.

Dwar il-programm elettorali sostna li huwa programm li fih tliet ħjut prinċipali bi pjan li mhux wieħed mil-lum għal għada imma pjan li jwassal għall-futur.

Il-Partit Nazzjonalista jrid li jitħares l-ambjent ta’ pajjiżna… hekk kif din hija l-ħolma li għandu Bernard Grech għal pajjiżna… li jkollna pajjiż aħjar għal kulħadd.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar Għawdex, fejn għandu jsir iktar żvilupp f’setturi ġodda… industriji li joħolqu aktar impjiegi ġodda anke għall-Għawdxin. Huwa sostna li iktar ma jgħaddu ġranet iktar qed jirrealizza li aktar nies qed jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista għax verament għandu viżjoni għal pajjiżna. “Vot li bih int se ttivvota għal uliedek għall-kwalità tal-ħajja tiegħek, għal futur aħjar.”

Is-settur tal-agrikolatura huwa ferm għal qalb il-Partit Nazzjonalista, fejn Bernard Grech qal li minn dejjem kellu kuntatt ma’ diversi bdiewa anke meta kien għadu jipprattika l-professjoni tiegħu ta’ avukat. Sa dalgħodu stess għamel żjara lil diversi bdiewa fl-inħawi tal-Imġarr u ż-Żebbiegħ fejn seta’ jisma’ t-tħassib tagħhom dwar dak kollu li jaffaċċjaw matul il-ħidma tagħhom.

Bernard Grech kellu l-okkażjoni jwassal il-proposti li għandu l-Partit Nazzjonalista għal dan is-settur. Fost dawn il-proposti hemm: Twaqqif ta’ Aġenżija għall-Promozzjoni tal-Prodott Malti li taħdem id f’id mal-bidwi, ir-raħħal, is-sajjied u l-għaqdiet, Programm intensiv ta’ inċentivar tal-produzzjoni organika favur ambjent naturali fejn inlaħħqu mal-miri Ewropej u nużaw il-miljuni ta’ fondi disponibbli għal dan il-għan; Programmi estensiv ta’ edukazzjoni u proġett li jattira raħħala u bdiewa żgħażagħ; Appoġġ lill-bdiewa permezz ta’ sostenn tas-suq lokali u tnaqqis fil-piż eċċessiv tar-regolamentazzjoni u l-ispejjeż li poġġew lill-biedja Maltija f’morsa inġusta u perversa.

Bernard Grech qal li lill-Prim Ministru Robert Abela ma tistax lanqas tafdah bis-sigurtà ta’ pajjiżna. Gvern Labutist biegħ iċ-ċittadninanza Maltija lil diversi Russi… li jidher li ħafna minnhom xtrawha għal raġunijiet personali tagħhom.

Il-Kap tal-PN qal lill-Prim Ministru Robert Abela biex immedjatament iwaqqaf li r-Russi jixtru ċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna. Dan għall-iskop li nistgħu nibqgħu nipperikolaw lil pajjiżna. Huwa sostna li l-PN għandu viżjoni bbażata fuq il-ġid u fuq is-sewwa u fuq kif lil pajjiżna nagħtuh reputazzjoi aħjar u joħroġ mill-grey listing.

Bernard Grech jemmen li dak li qed jagħmel u jaħdem għalih il-Partit Nazzjonalsita huwa verament dak li pajjiżna għandu bżonn. Huwa appella biex kull min jista’ jgħin fil-Maratona ġbir ta’ fondi li se ssir għada mis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar ‘il quddiem. Appella wkoll biex kulħadd jieħu sehem fl-attivitajiet poltiċi li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista.