Raġel ta’ Birkirkara nżamm arrestat wara li ġie mixli li seraq ktieb taċ-ċekkijiet u li użah biex jagħmel frodi ta’ €58,000. L-Ispettur Christian Abela, flimkien mal-prosekuturi tal-AĠ Karl Muscat u Godwin Cini, akkużaw lill-bajjad u kaħħal Emanuel Xerri ta’ 47 minn Birkirkara bi frodi, li għamel qligħ frawdolenti ta’ aktar minn €5000, miżapproprjazzjoni, iffalsifika firma fuq ċekkijiet, serq ktieb taċ-ċekkijiet, ħasil ta’ flus u ksur ta’ sentenza sospiża.
Xerri wieġeb mhux ħati tal-akkużi. L-avukat tiegħu talab il-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, u rrimarkat ir-rekord kriminali voluminuż tal-akkużat. L-akkużat kien ingħata l-ħabs fil-passat, sostna Muscat, u sostna li l-akkużi kienu gravi, li jinvolvu falsifikazzjoni ta’ dokumenti u firem, frodi ta’ €58,000 u ħasil ta’ flus.
“Hawn qed nitkellmu dwar akkużi li huma serji,” qal il-prosekutur u żied li kien hemm xhieda ċivili fosthom vittmi li għad iridu jixhdu. “F’dan l-istadju bikri, il-prosekuzzjoni qed titlob li jinżamm arrestat.” Id-difiża argumentat li l-libertà proviżorja kienet dritt u għandha tkun ir-regola mhux l-eċċezzjoni.
Il-Qorti, wara li semgħet lill-partijiet jagħmlu s-sottomissjonijiet tal-pleġġ, ċaħdet il-libertà proviżorja minħabba l-fatt li kien hemm numru ta’ xhieda ċivili li kienu għadhom ma xehdux. “Peress li l-akkużat issa kien ġie akkużat uffiċjalment bir-reati, hemm biża’ reali li jbagħbas l-evidenza.”
//= $special ?>