Dik li suppost kellha tkun bravura minn Robert Abela meta impona ruħu bħala Kandidat fuq il-ħames distrett elettorali tidher li kompliet toħloqlu qasmiet ġodda internament fil-Labour.
Dan ħareġ biċ-ċar fir-raba’ attività politika tal-kampanja elettorali – din id-darba f’Birżebbuġa – meta bdiet toħroġ ċara wkoll il-qasma bejn il-Leader u Miriam Dalli, li qed tagħmel minn kollox biex tieħodlu postu wara l-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu.
Fl-aħħar ġimgħat, Abela ddeċieda li jwarrab lir-residenti tas-sitt distrett biex joħroġ fuq il-ħames distrett … l-istess wieħed li fuqu kien jikkandida ruħu l-eks Leader Joseph Muscat, iżda wkoll l-istess wieħed li toħroġ fuqu Miriam Dalli.
Fl-attività f’Birżebbuġa, il-preżentatur tal-media Laburista Luke Dalli – iben l-eks Ministru Laburista Helena Dalli – ippreżenta lill-kandidati tal-ħames distrett. Hawn spikkat id-differenza fl-appoġġ fost il-Laburisti bejn Robert Abela u Miriam Dalli … b’messaġġ qawwi favur dik li qed tagħmel minn kollox biex tieħu post il-Leader.
Fuq kollox, il-kandidatura ta’ Abela fuq dan id-distrett kompla jikkonferma l-ġlieda bejn il-klikka ta’ Robert Abela u Joseph Muscat, li spiċċaw ma jarawx għajn ma’ għajn mir-raid li sar fir-residenza tal-Familja tal-eks Leader f’Burmarrad.
//= $special ?>