Fil-ħames attività pubblika taħt it-tinda matul il-kampanja li se twassal għall-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu, il-Mexxej Laburista Robert Abela ħela siegħa biex jirrepeti wħud mill-wegħdiet riċiklati u kkupjati li semma’ fl-aħħar jiem.
Iżda f’Ħaż-Żebbuġ, Abela wera li moħħu biss biex jikkopja lill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech. Dan hekk kif, hu ftaħar li se jkun qed iżid l-istipendji lill-istudenti bi 15 fil-mija.
Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi idea ferm iktar b’saħħitha – Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech iżid l-istipendji b’25 fil-mija, filwaqt li l-istudenti li jwettqu volontarjat ma’ xi organizzazzjoni volontarja rreġistrata jingħataw żieda ta’ 25 fil-mija oħra. Proposta li tidher li qabdet lil-Labour ta’ Robert Abela fuq sieq waħda, tant li kellu juża żagħżugħ biex jagħmillu mistoqsija ppjanata minn qabel ħalli l-Leader jipprova jippreżenta xi ħaġa hu wkoll.
L-istess ġara fil-każ tal-pensjonijiet u għajnuniet biex l-anzjani jgħixu ħajja aħjar.
Dan hekk kif Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech se jkun qed jara li l-pensjoni minima nazzjonali tiżdied b’tali mod li tkun f’livell adegwat mad-dħul li l-pensjonanti għandhom bżonn skont il-politika tal-living income.
Anke għal din il-proposta tal-Partit Nazzjonalista, Robert Abela nqabad fuq sieq waħda ..tant li issa qed iwiegħed li ż-żieda fil-pensjoni se tkun limitata u mhux li tibqa’ tiela’ skont l-eżiġenzi taż-żmien.
Dawn il-mossi ta’ paniku mil-Labour juru li l-Partit ta’ Robert Abela ma kienx ippreparat jippreżenta l-aħjar proposti għall-Maltin u l-Għawdxin. U dan jidher ukoll mill-mod kif il-Labour għadu mhux lest jippreżenta l-Manifest Elettorali tiegħu, minkejja li kważi għaddiet l-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali.
//= $special ?>