Elezzjoni 2022 Lokali

“Għawdex jeħtieġ bidla immedjata fid-direzzjoni” – Bernard Grech

"Għandna pjan għal Malta u għal Għawdex" - Il-PN b'ħafna proposti għal Għawdex

“Aktar nies qed juru li jridu jġibu l-bidla, aktar nies qed jingħaqdu magħna, tajt kelma li konna preparati u dik il-kelma żammejtha. Tajt kelma li se naqqgħad u nirriġenera partit u hekk għamilna” – Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza rally f’Għawdex fejn saħaq li Għawdex jeħtieġ bidla immedjata fid-direzzjoni qabel ikun tard wisq, “għal dan il-għan, irridu ninvolvu lill-partijiet ikkonċernati u interessati kollha biex il-pjan jitfassal mill-Għawdxin u mbagħad ikun jista’ jitwettaq fil-prattika mill-Għawdxin stess.”

Matul l-ewwel ġimgħa tal-Kampanja Elettorali l-Partit Nazzjonalista kellu numru ta’ attivitajiet f’Għawdex maqsuma fuq tliet ijiem. Bernard Grech kompla jispjega l-proposti li l-PN għandu għal Għawdex fejn saħaq li jemmen fil-potenzjal ta’ Għawdex li jsir ċentru ta’ sostenibiltà.

Il-Kap tal-PN saħaq li l-gżira Għawdxija minn dejjem kienet għal qalb il-Partit Nazzjonalista. “Irridu li Għawdex isir gżira aktar awtonoma ħalli d-deċiżjonijiet tal-ippjanar, tan-niċeċ ekonomiċi ġodda u ta’ ħafna oqsma li jolqtu lill-Għawdxin, jittieħdu mill-Għawdxin stess.” Hu reġa’ tenna l-wegħda tiegħu li Gvern ġdid tal-PN jwaqqaf il-kuntratt ma’ Steward Healtchare, jagħti lura l-Isptar t’Għawdex lill-Għawdxin u anke jibni sptar ġdid ta’ 400 sodda. Mhux hekk biss, il-PN qed jipproponi li jinvesti bil-kbir u jiffinanzja l-estensjoni ta’ firxa ta’ trattamenti għall-kanċer mogħtija f’Għawdex stess. Filfatt, il-PN qed iwiegħed li jiftaħ servizz ġdid tal-MRI f’Għawdex u jalloka riżorsi speċjalizzati biżżejjed għall-kliniċi tal-outpatients ħalli jitnaqqas l-iskariġġ tal-pazjenti Għawdxin lejn Malta.

Gvern ġdid tal-PN jagħti lil Għawdex Kunsill Reġjonali elett mill-Għawdxin, b’poteri eżekuttivi u bil-finanzi kollha neċessarji biex jattwa inizjattivi u proġetti. Bernard Grech reġa’ tenna li Gvern immexxi minnu ser jibni campus tal-MCAST ġdid f’Għawdex fejn apparti li jiżdiedu il-korsijiet offruti jiġu introdotti korsijiet ġodda f’diversi oqsma marbutin mal-għaxar setturi ġodda li ser jinvesti fihom f’pajjiżna.

Matul id-diskors tiegħu, Bernard Grech saħaq li Gvern ġdid tal-PN ser jaċċerta aktar aċċesibiltà effettiva u effiċjenti bejn Malta u Għawdex b’miżuri li huma sostenibbli u responsabbli. Dan billi jitkabbar il-port tal-Imġarr biex jissaħħu l-faċilitajiet tiegħu b’mod li jkun jista’ jilqa’ aħjar għat-traġitt bejn iż-żewġ gżejjer, b’mod li jilqa’ għall-bżonnijiet tal-passiġġieri u l-merkanzija tal-lum u tal-futur. Il-PN ser jinvesti wkoll f’aktar vapuri li ma jniġġsux. Hu fakkar kif il-vapuri li għadhom qed jaħdmu sal-lum, kien Gvern Nazzjonalista li ġabhom f’pajjiżna. Ser ikun ikkunsidrat ukoll servizz bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer.

Bernard Grech spjega li fejn tidħol il-mina taħt il-fliegu, il-PN, jekk jingħata l-fiduċja se jiżgura li jsiru l-istudji kollha u ssir konsultazzjoni aktar mill-qrib mal-Għawdxin ħalli tkun tista’ tittieħed deċiżjoni aktar infurmata direttament mill-komunita’ Għawdxija. “Ser nikkonsultaw mal-poplu Għawdxi dwar il-link permanenti permezz ta’ referendum wara li jkollu l-fatti kollha f’idejh bil-pubblikazzjoni tal-istudji, għaliex għandna fiduċja fil-poplu Għawdxi”qal Bernard Grech.

Il-programm elettorali tal-PN, spjega Bernard Grech, jisħaqq bl-aktar mod ċar, li jżid x-xogħol f’Għawdex u xogħol ta’ kwalità f’industriji li ma’ jniġġżux. “Il-Partit Nazzjonalista jinċentiva ħafna aktar ix-xogħol remot (teleworking) għall-impjiegi li jippermettu dan, u naraw li s-servizz pubbliku jkun eżempju mudell għal dan il-għan.”

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-pagi f’Għawdex fejn saħaq li Gvern ġdid tal-PN se jbiddel din is-sitwazzjoni fejn hemm skemi li mhux kulħadd jitħallas bl-istess mod għall-istess xogħol speċjalment fejn hemm ċertu impjiegi partikolari tal-Gvern. Il-kelma ta’ Bernard Grech kienet waħda ċara u wiegħed li se jaċċerta ‘equal pay for equal work’ għal kull impjieg ta’ dan it-tip.

“Bħal ma investejna fil-passat, ninvestu issa ukoll jekk ittuna l-unur li mmexxu dan il-pajjiż. Aktar xogħol ta’ kwalità b’pagi diċenti.” Hekk saħaq Bernard Grech meta tkellem dwar l-edukazzjoni u t-turiżmu f’Għawdex.

Intant, matul dan id-diskors, Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-valuri li huma l-iktar importanti għalina u stqarr li ninsabu moħna mistrieħ għaliex għandna l-paċi iżda fl-istess ħin hemm poplu ewropew li qiegħed jipprova jirreżisti invażjoni. Il-Kap tal-PN saħaq li imporanti li jieqfu l-applikazzjonijiet kollha pendenti ta’ ċittadini Russi milli jixtru l-passaport Malti. Xi ħaġa li l-Prim Ministru Robert Abela għadu ma weġibx dwarha. Bernard Grech saħaq li importanti li l-poplu Malti juri li għandu l-valur li jappoġja poplu ieħor. Il-Kap tal-PN appella lill-Prim Ministru biex bħala pajjiż nibgħatu messaġġ lid-dinja kollha.