Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-Ġermanja tibel il-politika dwar l-armamenti

Il-Ġermanja deċidiet li ma topponix aktar għat-trasferiment lejn l-Ukrajna (permezz ta’ tielet pajjiżi) ta’ armamenti manifatturati mill-Ġermaniżi infushomi.

Dan ifisser li l-Olanda se tkun tista’ tibgħat mijiet ta’ grenade launchers prodotti fil-Ġermanja lejn l-Ukrajna bħala għajnuna addizzjonali lill-Armata u l-poplu ta’ dak il-pajjiż.

Il-bidla fil-politika tal-Ġermanja hi waħda sinifikanti u kapaċi tippermetti għal ‘mewġa ta’ assistenza militari mill-Ewropa lejn l-Ukrajna’. Dan meta ħafna armamenti fl-Ewropa huma manifatturati fil-Ġermanja, bil-Gvern ta’ Berlin ikollu parti mid-deċiżjoni dwar l-użu u l-esportazzjoni ta’ dawn l-armi.

Qabel dan il-pass, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz, irrefera kemm-il darba għall-politika ta’ pajjiżu waqt li kien qed jirrifjuta biex jibgħat l-armamenti lejnl-Ukrajna – u bil-pożizzjoni tiegħu tkun suġġetta għal kritika kbira minn madwar id-dinja.