Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: L-oppożizzjoni għall-konflitt tiżdied fost ir-Russi

Hemm aktar sinjali li l-President Vladimir Putin kompla jitlef l-appoġġ fost in-nies tiegħu fost il-ħafna dimostrazzjonijiet kontra l-gwerra fl-ibliet prinċipali tar-Russja. Dan waqt li numru ta’ personalitajiet famużi Russi mhumiex iżommu lura milli jesprimu oppożizzjoni għall-ġlied permezz tal-media soċjali.

Min-naħa tagħhom, l-osservaturi barranin qed jirreferu għall-‘potenzjal qawwi’ li Putin jitlef ħafna aktar kredibbiltà minħabba l-invażjoni ‘li kienet ippjanata u esegwita mill-Kremlin’.

Il-pjan inizjali ta’ Putin kien biex il-kampanja militari għall-ħtif tal-Ukrajna titlesta f’ġimgħatejn, iżda l-aħħar indikazzjonijiet huma li l-pjan għadu ‘il bogħod sew minn konklużjoni sodisfaċenti għal Moska.

Putin jista’ joħroġ ‘aktar b’saħħtu mis-sitwazzjoni’ f’każ li l-qawwiet Russi jieħdu kontroll tal-Ukrajna ‘fiż-żmien indikat’ u bi ftit suldati mitlufa.

Madankollu, l-indikazzjonijiet huma li t-telf tas-suldati Russi, s’issa, hu kbir wisq biex ikun injorat u aktar mar-Russja ddum biex tirrealizza l-objettiv akbar għandha tkun ir-rabja tar-Russi għall-gwerra li mhi sservi l-interessi ta’ ħadd ħlief il-Kremlin u l-kollegi fiċ-ċirku ta’ ġewwa tal-President Russu.