Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ma tonqosx il-kundanna internazzjonali, bil-pajjiżi juru l-għadab għar-Russja

Dawn huma ftit mill-aħħar żviluppi relatati mal-gwerra tal-Ukrajna, meta l-Ewropa qed tirreaġġixxi għall-invażjoni tal-artijiet Ukreni mill-qawwiet tar-Russja. Ir-reazzjoni minn diversi pajjiżi u mexxejja internazzjonali qed tidher bħala waħda ‘maħsuba u determinata’ fost dimostrazzjonijiet ta’ għadab għall-offensiva ‘mibdija mill-Kremlin’.

Il-Ministru Britanniku għall-Qawwiet Armati, James Heappey, qal li r-Renju Unit u 25 pajjiż ieħor qablu biex jipprovdu aktar armamenti u għajnuna umanitarja lill-Ukrajna.

L-Estonja mhix tippermetti li l-linji tal-ajru Russi jużaw l-ispazju tal-ajru tagħha. Mistenni wkoll li l-Litwanja u l-Latvja jieħdu l-istess pass bħall-ġar.

‘Il fuq minn 115,000 Ukreni qasmu minn pajjiżhom lejn il-Polonja biex jevitaw l-effetti tal-ġlied.

Franza ħatfet vapur tal-merkanzija tar-Russja  li kien qed ibaħħar fil-Kanal Ingliż. Dan fost stqarrijiet li l-vapur hu l-proprjetà ta’ kumpannija li spiċċat mira tas-sanzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea.

Aktar pajjiżi Ewropej, fosthom Franza, l-Italja u l-Ungerija, qalu li se jappoġġjaw l-inizjattivi biex ir-Russja tkun eskluża mis-sistema Swift għall-pagamenti li tintuża fuq livell globali.

Il-Ministeru tal-Ukrajna għall-Affarijiet Barranin qal li s-sanzjonijiet mill-Punent – li s’issa ma laqtux lis-settur tal-enerġija tar-Russja – għandhom ikunu estiżi biex jinkludu embargo taż-żejt għall-iskaptu ta’ Moska.