Lokali

“Il-PN huwa l-partit li joffri tama lil pajjiżna” – Stanley Joe Portelli

Ir-Rally fix-Xagħra Għawdex kien indirizzat ukoll minn Stanley Joe Portelli, avukat Għawdxi u attivist f’NGO ambjentali fejn stqarr li l-Partit Nazzjonlista huwa dak il-partit li joffri t-tama għall-poplu Għawdxi u Malti.

Portelli qal kif il-Partit Nazzjonalista qed ikun il-vuċi taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u dan jixhdu fil-Programm Elettorali hekk kif il-proposti huma kollha ndirizzati biex itejjbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd. Hu semma kif il-PN huwa r-risposta għall-qtiegħ il-qalb li għandhom iż-żagħżagħ Maltin u Għawdxin fejn irrefera wkoll għal survey maħruġ ftit tal-ġimgħat ilu fejn juri li 70% taż-żagħżagħ jridu jħallu pajjiżna għall-futur aħjar. Stanley Joe Portelli qal li l-proposti tal-Partit Nazzjonlista huma intiżi biex liż-żagħżagħ Għawdxin joffrilhom futur aħjar hekk kif se jkun qed jinvesti f’campus ġdid tal-MCAST f’Għawdex u se jkun qed jgħin mijiet ta’ Għawdxin jilħqu l-potenzjali tagħhom anke permezz tal-investiment ta’ biljun ewro fejn se jkunu qed jinħolqu għaxar setturi ekonomiċi.

Portelli tkellem ukoll dwar l-infrastruttura hekk kif il-PN se jkun qed jinvesti fis-saħħa tal-Għawdxin hekk kif se jkun qed jibni sptar ġdid. Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed ikabbar ukoll il-Port tal-Imġarr u se jkun ukoll qed jinvesti f’żewġ vapuri ġodda hekk kif kien il-Partit Nazzjonalista li bena l-Port tal-Imġarr u anke li ġab il-vapuri tal-Gozo Channel filwaqt li l-Partit Laburista ma wettaq l-ebda investiment għajr għal vapur ‘second hand’.

Stanley Joe Portelli temm id-diskors tiegħu billi qal li Bernard Grech huwa raġel li jisma’. Hu stqarr li t-triq hija twila iżda dan il-partit dejjem mexa u għadda mit-toroq diffiċli u b’hekk fis-26 ta’ Marzu l-poplu Malti u Għawdxi għandu jafda lill-Partit Nazzjonalista.