Manchester City għelbu lil Everton f’Goodison Park biex fetħu mill-ġdid vantaġġ komdu f’ras il-klassifika – u fejn huma lagħbu logħba aktar minn Liverpool, li llum jilgħabu f’Wembley kontra Chelsea fil-finali tal-EFL Cup. Is-Citizens kienu determinati li jirritornaw għar-rebħ wara d-disfatta xejn mistennija ta’ ġimgħa ilu kontra Tottenham. Fil-fatt, Everton iddefendew b’għaqal għal ħafna ħinijiet fost sinjali li City kienu se jitilfu l-punti għat-tieni ġimgħa konsekuttiva – bil-gowlkiper tat-Toffees, Pickford, jiddistingwi ruħu b’diversi saves tajbin. Iżda tmien minuti mill-ħin wasal il-‘breakthrough’ għal City meta Phil Foden approfitta mill-iżball ta’ Michael Keane biex jixħet ġewwa mill-qrib. Il-logħba rriservat aktar drama meta, fis-86 minuta, il-midfielder ta’ City, Rodri, deher jikkontrolla l-ballun b’idu fil-kaxxa iżda r-referi Paul Tierney iddeċieda li ma kienx hemm każ għal penalty wara konsultazzjoni twila mal-VAR.
Tottenham irritornaw għar-rebħ bl-aktar mod enfatiku waqt li tefgħu lil Leeds United f’baħar ta’ inkwiet — bit-tim ta’ Marcelo Bielsa issa jinsab żewġ punti biss ‘il fuq miz-zona l-ħamra. Tottenham – li ftit jiem qabel kienu ddiżappuntaw fit-telfa kontra Burnley – fetħu l-iskor wara għaxar minuti meta Ryan Sessegnon ħarab max-xellug u għadda ballun għan-nofs lil Matt Docherty ma żbaljax mill-viċin. Ħames minuti wara, Dejan Kulusevski għamilhom tnejn b’xutt preċiż għar-rokna, b’Harry Kane (27) jiskorja t-tielet wieħed b’kalma kbira u fost l-indeċiżjoni tad-difensuri ta’ Leeds. Leeds kellhom diversi okkażjonjiiet ta’ skor, b’Raphinha jolqot il-lasta minn freekick u b’Koch imissu l-istess destin – bil-header ta’ Luke Ayling ifalli l-bersall bi ftit. Intant, l-aħħar gowl tal-logħba kellu jkun ta’ Spurs, b’Son Heung-min (85) jgħaqqad il-‘poker’ għat-tim tiegħu fuq il-pass meqjus ta’ Harry Kane.
Manchester United għamlu kollox ħlief skurjaw fil-konfront ma’ Watford f’Old Trafford u fejn kellhom jikkuntentaw bi dro diżappuntanti mingħajr gowls. Id-dominju ta’ United kien assolut, tant li huma kellhom 22 tentattiv fuq il-lasta ta’ Watford – b’Ronaldo ikollu ‘gowl’ annullat għal offside. Madankollu, ir-Red Devils tilfu aktar punti importanti fil-ġlieda għal post mat-Top 4 tal-Premier Ingliż u meta fil-preżent jinsabu r-raba’, b’vantaġġ ta’ żewġ punti fuq Arsenal u meta l-Gunners lagħbu tliet logħbiet anqas mit-tim ta’ Ralf Rangnick
Il-midfielder Daniż Christian Eriksen irritorna fil-grawnd — 259 jum wara li kien sofra attakk tal-qalb waqt il-logħob tal-Euro 2020 – iżda ma setax isalva lil Brentford minn telfa f’darhom, 0-2, ma’ Newcastle United. Intant, Eriksen , li daħal bħala sostitut (52) għal Mathias Jensen, wera xorta li għadu midfielder ta’ klassi u mistenni jkun pedina importanti għall-Bees li issa daħlu fi ġlieda serja kontra r-relegation.
Burnley ħadu punt importanti fi dro, 1-1, ma’ Crystal Palace f’Selhurst Park, iżda għadhom it-tielet mill-aħħar fil-klassifika anki jekk huma naqqsu d-distakk ma’ Leeds u Everton għal żewġ punti biss. Jeffrey Schlupp (9) poġġa lil Palace fil-vantaġġ fuq l-assist ta’ Michael Olise, iżda Burnley wieġbu mal-ftuħ tat-tieni taqsima meta l-captain tal-Eagles, Luka Milivojevic, għeleb lill-gowlkiper tiegħu stess fuq kross fil-baxx ta’ Aaron Lennon.
Ollie Watkins skorja l-ewwel gowl tiegħu minn Diċembru, b’Aston Villa jiksbu rebħa impressjonanti, 2-0, għall-ispejjeż ta’ Brighton &Hove Albion. Id-difensur ta’ Villa, Matty Cash (17), żblokka r-riżultat fl-Amex Stadium meta sammar ġewwa minn tarf il-kaxxa. Dan wara li d-difiża tas-Seagulls naqset milli tbiegħed il-periklu fuq il-kross fil-baxx ta’ Digne. Intant, Brighton ma setgħawx japprofittaw mill-ispazji li ħallewlhom id-difensuri ta’ Villa – bil-Villains ikomplu jkunu perikolużi permezz ta’ freekick mogħti minn Coutinho li kien salvat b’abbiltà kbira minn Robert Sanchez. Madankollu, fit-68 minuta wasal il-mument ta’ Watkins li rċieva mingħand Mings u għeleb mill-ġdid lil Sanchez għat-2-0 finali.
PREMIER LEAGUE
Illum: Leeds v Tottenham 0-4, Brentford v Newcastle 0-2, Brighton v Aston Villa 0-2, C’Palace v Burnley 1-1
Man Utd v Watford 0-0, Everton v Man City 0-1 Għada: West Ham v Wolves 3.00pm
EFL CUP Finali: Chelsea v Liverpool 5.30pm
//= $special ?>