Lokali

Raġel ta’ 50 sena jitlef ħajtu wara li ntlaqat minn karozza fI-Imrieħel

Raġel ta’ 50 sena minn Ħal Balzan, li mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li kien qed jiġri fi Triq l-Imdina, B’Kara, tilef ħajtu wara li ntlaqat minn karozza.

L-inċident seħħ qrib il-fabbrika ta’ Farsons għall-ħabta tad-9.30 ta’ dalgħodu.

Fil-post issejħet immedjatament l-assistenza tal-Pulizija u tim mediku iżda sfortunatament l-isforzi li saru kien kollu għalxejn ir-raġel kien iċċertifikat mejjet fil-post.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher l-karozza tat-tip Toyota Vitz tilfet il-kontroll bil-konsegwenza li baqgħet dieħla fuq il-bankina u tajret lir-raġel li dak il-ħin kien għaddej minn hemm.

Intant, is-sewwieqa tal-karozza involuta f’dan l-inċident traġiku, li hija mara ta’ 34 mill-Belt Valletta, kellha tittieħed l-isptar Mater Dei minħabba xokk kbir li sofriet.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Marsenne Farrugia li ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.