Il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa indirizza r-rally tal-PN fiż-Żurrieq fejn stqarr li pajjiżna jinsab fl-Unjoni Ewropeja bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista. Hu qal li minkejja li tal-Labour qalulna li mhux se nagħmlu suċċess, waħda minnha llum qed tmexxi waħda mill-akbar istituzzjonijiet Ewropej, hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu, Roberta Metsola ġiet eletta biex tmexxi l-Parlament Ewropew.
David Casa tkellem dwar il-kunflitt li għaddej bħalissa ftit bogħod minna, u qal li l-Partit Nazzjonalista huwa favur il-poplu Ukren. Hu saħaq li l-Gvern Laburista għandu b’mod immedjat iwaqqaf il-bejgħ tal-passaporti lil persuni ġejjin mir-Russja hekk kif f’din il-kwistjoni pajjiżna ma jistax jibqa’ newtrali iżda għandu jieħu pożizzjoni ċara u jibgħat messaġġ b’saħħtu favur il-poplu Ukren li qed jisofri bla ħtija.
Casa fakkar kif il-Partit Nazzjonalista dejjem kien il-paladin tal-libertà tal-espressjoni kif ukoll tal-ġurnalisti fejn fakkar il-memorja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. L-MEP tal-Partit Nazzjonalista semma wkoll id-Direttivi li ħadem fuqhom fl-aħħar ġimgħat – direttivi intiżi biex jindukraw u jagħti appoġġ lill-familji Ewropej u dawk Malti u Għawdxin.
Fuq il-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista li kien imniedi nhar il-Ħamis li għadda, David Casa qal li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi aktar minn 500 proposta f’manifest li ssawwar b’konsultazzjoni ma’ persuni minn kull qasam, anke li m’humiex involuti fil-politika.
David Casa temm id-diskors tiegħu billi qal li l-kandidati tal-PN ma jistgħux iwegħdu kollox lil kulħadd iżda flimkien mal-Kap tal-PN jistgħu iwegħdu politika onestà u serja li tagħti direzzjoni ġdida lil dan il-pajjiż.
//= $special ?>