Lokali

“Ejjew magħna, ejjew ħalli nbiddlu għall-aħjar lil dan il-pajjiż” – Bernard Grech

"Ilkoll flimkien, magħkom, se nibqgħu nagħmlu politika li ttejjeb saħħet il-poplu Malti u Għawdxi"

“Ejjew magħna, ejjew ħalli nbiddlu għall-aħjar dan il-pajjiż, ejjew magħna, ejjew ħalli nkunu ċ-ċavetta tal-bidla li jeħtieġ dan il-pajjiż”

Kienu l-mijiet dawk li laqgħu lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għar-rally fiż-Żurrieq, fejn Bernard Grech qal li l-politika tal-PN hija waħda ta’ fejda li minnha jgawdi l-poplu kollu.

“Lill-pulizija u s-suldati u l-membri tal-forzi dixxiplinati – aħna miegħek. Lill-infiermiera, l-għalliema, t-tobba – aħna miegħek. Lill-ħaddiema, is-self employed, l-employers l-kbar – għamlu kuraġġ. Aħna miegħek u rridukom tinvestu. Lill-konservattivi u l-liberali, ejjew ningħaqdu għal Malta li nħobbu lkoll. Lid-dilettanti tal-festi u d-delizzji oħrajn – aħna miegħek”.

“Jien se nżomm kelmti, se nkun qed nikkontesta fuq il-5 Distrett”.

Huwa tenna li jaf l-inħawi tal-5 Distrett għax trabba Birżebuġia u jaf tajjeb il-ġmiel li kapaċi joffri n-nofsinhar ta’ Malta. Bernard Grech qal li huwa ta’ unur u privileġġ li bħala Kap tal-PN huwa jindirizza ġimgħa wara l-oħra l-folol madwar Malta u Għawdex. Huwa qal li kull ġurnata li tgħaddi, il-PN qed ikompli jwettaq politika billi jisma’ lin-nies, billi jisma’ s-sentiment tal-poplu Malti.

“Il-PN huwa l-alternattiva li għandu bżonn dan il-pajjiż, irridu nkomplu naħdmu, irridu nibqgħu nikkonvinċu, irridu nibqgħu nagħmlu viżjoni għal Malta tagħna”

Huwa qal li l-Partit Laburista ġimgħa li saffar is-suffara ta’ meta se ssir l-Elezzjoni Ġenerali għad lanqas għandu l-programm elettorali lest.

“Qed naraw Partit Laburista li ma fadallux viżjoni għal Malta”

Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-PN irringrazzja lil dawk kollha li għenu fil tal-maratona tas-Sibt, is-somma sabiħa li turi kif il-poplu qed juri li qed jifhem il-messaġġ tal-PN. Messaġġ li iżda jrid jissaħħaħ permezz tal-kontribut ta’ kulħadd, għax il-politika tal-PN tirrifletti dak li jeħtieġ li jsir f’dan in-nazzjon.

Dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li meta jwiegħed xi ħaga, hu jżommha.

Bernard Grech ta ħarsa lejn l-abbuż tal-poter tal-Gvern Laburista, u tenna li għalkemm il-PN jinsab fi żvantaġġ, il-PN għandu viżjoni, b’mijiet kbar ta’ proposti mibnija fuq konsultazzjoni mal-esperti, kemm dawk li jgħixu u jesperjenzaw id-diffikultajiet u l-oħrajn esperti tekniċi biex dawn il-proposti jkunu tanġibbli.

Bernard Grech appella lil Robert Abela biex jieqaf jkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Huwa mill-ġdid fakkar fil-gidba li kien ħareġ fuqu meta qal li jien kont se jabbanduna l-5 Distrett.

“Jien se nikkontesta dan id-distrett… se nikkontesta hawn bi kburija”

PN fil-Gvern se joħloq 10 setturi ġodda

Il-Kap tal-PN fakkar kif tul din l-ewwel ġimgħa l-PN ħabbar li se jkun qed jinvesti biljun ewro biex jinħolqu 10 setturi ġodda. Xi ħaġa li dan il-Gvern Laburista naqas milli joħloq fl-aħħar 9 snin, fejn lanqas ħoloq niċċa waħda ġdida ta’ investiment. Is-setturi li l-PN se jkun qed jara li joħloq huma:

  • Investimenti bbażati fuq metaverse;
  • Servizzi ta’compliance u due diligence;
  • Manifattura speċjalizzata;
  • Ipprintjar 3D;
  • Applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali;
  • e-sports;
  • produzzjoni ta’ video games
  • industrija tal-isports;
  • tisħiħ tas-settur tal-enerġija;
  • intrapriżi soċjali.

Huwa qal li l-fond ta’ biljun ewro se jgħin biex jinħolqu dawn is-setturi, iżda jservu ta’ għajnuna għas-setturi preżenti, setturi li ħoloq il-PN meta kien fil-Gvern.

“Dan l-investiment se jsaħħaħ ix-xogħol, se jtejjeb il-pagi, se jtejjeb ħajjet in-nies”

PN b’politika li tħares l-ambjent

Huwa qal li bħala pajjiż, b’PN fil-Gvern ser idaħħal sistema fejn kulħadd jaqbillu jkun aktar sostenibbli u aktar responsabbli fuq l-ambjent. Huwa qal li bit-tmexxija tajba u fuq il-qalb soċjali l-poplu Malti jista’ jasal.

“Dawn is-setturi jidħlu biss fis-seħħ jekk inti, tgħin biex fis-26 ta’ Marzu, ikun hemm Gvern Nazzjonalista, li miegħek jimplimenta dawn il-miżuri”

Bernard Grech qal li l-programm elettorali qed jindirizza li jkun hemm investiment fl-ESG.

Huwa qal li n-negozji kollha li jagħmlu dak il-ftit sforz biex jghinu l-ambjent u l-progress soċjali ser tonqsilhom ir-rata tat-taxxa fuq il-qligħ tan-negozji għal 15% fuq l-ewwel €500,000 qligħ.

“Aħna miegħek aħna ser innaqsu t-taxxa għal 15%. Dan se nagħmluh bi pjan u sostenibilità”

PN fil-Gvern, fuq medda ta’ ħames snin, hekk kif il-qafas tal-ESG ikun sar parti integrali mill-politika fiskali, se jkun qed iniżżel r-rata ta’ taxxa għal 25%, kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-persuni.

“Dan qed nagħmluh għax aħna nemmnu fik għax aħna miegħek f’dak kollu li nagħmlu”

PN jwettaq politika flimkien maż-żgħażagħ

“Aħna nemmnu verament fil-potenzjal taż-żgħażagħ, tal-istudenti… tagħkom ilkoll”. Bernard Grech qal dan hekk kif il-PN qed iħabbar kontinwament proposti li jindirizzaw iż-żgħażagħ,biex dawn jibqgħu jistudjaw

“Gvern Nazzjonalista wara s-26 ta’ Marzu se jkun qed iżid l-istipendju”

Huwa qal li bil-għan li jitħajru dejjem aktar studenti li biex jibqgħu jitħarrġu f’livelli ogħla, matul l-ewwel leġiżlatura ta’ Gvern Nazzjonalista ser jiżdidu l-iStudents’ Maintenance Grants b’25%.

Bernard Grech qal li PN fil-Gvern se jżid wkoll b’25% addizzjonali l-istipendju tal-istudenti li jwettqu volontarjat ma’ xi organizzazzjoni volontarja reġistrata, bħala rikonoxximent għall-kontribut tagħhom lejn is-soċjetà.

Il-Kap tal-PN qal ukoll li l-PN ħabbar wkoll li se jkunu qed jagħti għotja ta’ €500 liż-żgħażagħ bejn is-16 u l-21 sena biex iżuru xi pajjiż fl-Ewropa.

“Dan se nagħmluh biex jiksbu l-esperjenza li għandhom bżonn anki ‘l bogħod minn xtutna”

Bernard Grech qal li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jagħti rifużjoni tal-VAT sa €3,000 fis-sena lis-sidien tad-djar, għal kull post, fuq ix-xogħlijiet kollha li jindirizzaw materjalment in-newtralità klimatika u jnaqqsu l-konsum tal-enerġija b’mod ippruvat. Huwa qal li l-PN se jkun qed iwettaq li l-massimu tar-rifużjoni se tiżdied għal €6,000 fil-każ tal-familji li jinkludu pensjonant jew persuna b’diżabbiltà.

PN b’politika flimkien mal-bdiewa

Bernard Grech qal li l-PN sema’ wkoll lill-bdiewa, lir-raħħala u lis-sajjieda u għalhekk jeħtieġ inwiżnuhom aktar minn qatt qabel b’appoġġ finanzjarju biex iżidu l-investimenti tagħhom. Huwa qal li l-politika tal-PN se tibqa’ viċin dawk kollha li jaħdmu fl-agrikoltura, f’dawk li jaħdmu fuq il-baħar, għax jemmen bis-sħiħ f’dawn is-setturi.

“Irridu nħajru, aktar bdiewa żgħażagħ, u ninċentivaw il-biedja organika u fil-programm tagħna se nwettqu politika biex dan isir”

Qalb il-PN mal-poplu Ukren

Dwar il-kriżi fil-Lvant tal-Ewropa, Bernard Grech appella lil Robert Abela biex ma jibqax jinsisti bil-bejgħ tal-passaporti lir-Russi u biex bħala pajjiż ngħinu lil dawk li għadhom b’assistenza umanitarja.

Bernard Grech qal li hemm bżonn li bħala pajjiż inkunu proattivi b’messaġġ ċar li barra li ngħalqu l-ispazju tal-ajru lir-Russi, irridu nħassru l-attivitajiet tal-isport magħhom. “Aħna ma nilgħabux ma min joqtol.”

“Prim Ministru tibqax insensittiv u bla qalb għin lil dawk l-aktar fil-bżonn, lil dawk li qed ibatu fil-Lvant tal-Ewropa, waqqaf il-bejgħ tal-passaporti lir-Russi”