Numru kbir ta’ pajjiżi Ewropej — fosthom Franza, il-Belġju , il-Ġermanja u d-Danimarka — qegħdin jagħlqu l-ispazji tal-ajru għat-titjiriet li jinvolvu l-linji tal-ajru tar-Russja,. L-Italja wkoll qed tħejji għal dan il-pass, bl-Ewropa, ħlief għal ftit eċċezzjonijiet, qed tagħlaq prattikament ir-rotot kollha għat-titjiriet mir-Russja.
Il-miżura qed tinkwadra fost il-pakkett kbir ta’ sanzjonijiet ġodda kontra r-Russja b’kaġun tal-invażjoni tal-artijiet Ukreni mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin. L-Unjoni Ewropea, intant. ħeġġet b’urġenza għall-għeluq tal-ispazji tal-ajru għall-ajruplani Russi u mistenni li l-Istati-membri kollha, maż-żmien, jikkonfermaw dan il-pass.
Peress li r-Russja ma tistax tuża l-ispazju tal-ajru fuq l-Ukrajna għat-titjiriet domestiċi, il-linji tal-ajru Russi issa fadlilhom ftit li xejn rotot lejn id-destinazzjonijiet fil-Punent.
Bħalissa qed jitħassru l-għexieren tat-tat-titjiriet fl-ajruporti ta’ Domodedovo u Sheremetyevo, f’Moska. Uħud minn dawn it-titjiriet kienu lejn Pariġi u Vienna — bl-S7 Airlines tar-Russja tikkonferma li qed tħassar it-titjiriet lejn ħafna destinazzjonijiet fl-Ewropa sat-13 ta’ Marzu.



