Il-gwerra fl-Ukrajna qed tidħol f’fażi aktar intensiva, wara li t-truppi Russi daħlu f’Kharkiv, belt qrib ħafna tar-Russja u li hi wkoll t-tieni l-akbar belt Ukrena. Anki f’dan il-każ, il-qawwiet Ukreni, megħjuna mill-voluntiera ċivili, irreżistew bl-aħrax lis-suldati tal-President Russu Vladimir Putin, fost rapporti li d-difensuri żammew il-kontroll tal-belt wara sensiela ta’ battalji fit-toroq.
L-indikazzjonijiet huma li l-kmandanti militari tar-Russja u t-tmexxija fil-Kremlin qed isiru dejjem aktar frustrati wara li naqsu milli jilħqu l-miri speċifikati fl-ewwel jiem tal-invażjoni tal-Ukrajna. Dan meta r-Russi huma anki xokkjati bir-reżistenza feroċi li qed iħabbtu wiċċha magħha f’din il-gwerra li qed tiswa lil Putin u l-Gvern tiegħu l-ekwivalenti ta’ ħmistax-il biljun Sterlina kuljum.
L-Ukrajna qed tgħid li mill-bidu tal-invażjoni ‘il hawn, inqatlu ‘il fuq minn 4,500 suldat Russu u ftit aktar minn 200 ċivili Ukreni. Madankollu dawn iċ-ċifri għad iridu jkunu verifikati mis-sorsi indipendenti.
It-Tmexxija Ukrena, filwaqt li qed tirreżisti l-invażjoni tar-Russi minn diversi fronti, qed tgħid li r-reżistenza baqgħet effettiva fiċ-ċirkustanzi u minkejja li qed jiffaċċjaw Armata bil-wisq superjuri għal tagħhom. Il-kumment ewlieni minn Kiev kien li ‘l-Ukreni qed juru lid-dinja xi jsarrfu meta l-Punent, qabel, beża’ li l-Ukrajna setgħet taqa’ lill-qawwiet ta’ Putin f’anqas 48 siegħa.’
//= $special ?>