Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: ‘U-turn’ ta’ Zelensky dwar taħditiet fil-Belarus

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li delegazzjoni minn pajjiżu se tiltaqa’ ma’ delegazzjoni Russa ‘mingħajr ma jkunu stabbiliti l-kundizzjonijiet għal-laqgħa.’ Intant, il-laqgħa għandha ssir f’zona mal-fruntiera tal-Ukrajna mal-Belarus — bil-konferma tingħata sigħat wara li Zelensky kien irrifjuta l-offerta mir-Russja biex pajjiżu jissieħeb fi proċess ta’ negozjati mar-Russi fl-art tal-Belarus. Zelensky kien qal. qabel, li hu, bl-ebda mod, ma kien se jmur f’pajjiż li qed iservi lir-Russi bħala bażi minfejn qed jattakkaw lill-Ukrajna.

Sadanittant, Zelensky ikkonferma wkoll li pajjiżu ressaq ilment kontra r-Russja fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja – bl-Ukrajna titlob lill-imħallfin ta’ din il-qorti biex jordnaw waqfien għall-invażjoni tat-territorji Ukreni.

Fl-istess ħin, is-sanzjonijiet ġodda internazzjonali kontra r-Russja jidhru li qed iħallu effett bikri għal pajjiż li kien diġà qed ibati l-problemi ekonomiċi kbar minn qabel l-invażjoni. Dan waqt li l-Bank Ċentrali tar-Russja qed isejjaħ għall-kalma fost inkwiet dwar emorraġija  kbira ta’ flus kontanti f’din is-sitwazzjoni ta’ gwerra.