Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Lejn qawwa internazzjonali ‘għad-difiża tad-demokrazija u l-Ewropa’

Il-Ministru tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin, Liz Truss, qalet li hi qed tappoġġja lill-individwi minn pajjiżha li jridu jmorru fl-Ukrajna biex jissieħbu fil-ġlieda għad-difiża tad-demokrazija li dalwaqt kapaċi tassumi livell internazzjonali.

Truss qalet li huma n-nies, jew ‘voluntieri’ , li jridu jieħdu din id-deċiżjoni meta fin-nofs jista’ ikun hemm l-istil tal-ħajja taċ-ċittadini kollha tal-Punent. Dan meta l-poplu tal-Ukrajna qed jiġġieled mhux biss għal-libertà ta’ pajjiżu iżda anki ‘għall-Ewropa kollha’.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren Volodymyr Zelensky ħeġġeġ biex il-barranin jissieħbu fid-difiża tas-sigurtà fl-Ewropa. Hu qal li l-Ukrajna qed twaqqaf leġjun internazzjonali għall-voluntiera barranin li jridu jissieħbu mal-Armata Ukrena fil-ġlieda kontra l-qawwiet ta’ Vladimir Putin.

Zelensky saħaq li ‘is-sitwazzjoni mhix dwar l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja iżda l-bidu ta’ gwerra kontra l-Ewropa u l-għaqda fost l-Ewropej’.