Il-qawwiet tar-Russja sofrew waħda mill-akbar disfatti militari kemm ilhom li bdew il-gwerra fl-Ukrajna – u fejn il-militar Ukren irnexxielu jeqred konvoj ta’ ġellieda Ċeċeni li qegħdin jappoġġjaw lil Vladimir Putin f’dan il-konflitt.
Kien partikularment sinifikanti l-qtil ta’ Ġeneral ewlieni taċ-Ċeċeni waqt il-battalja fil-limiti ta’ Kiev. Il-Ġeneral kien identifikat bħala Magomed Tushaev ( ritratt), li kien jikkmanda riġment tal-Gwardja Nazzjonali Ċeċena.
Intant, mifhum li fil-battalja qrib ta’ Hostomel ( lejn il-grigal ta’ Kiev) inqerdu madwar 56 tankijiet tal-gwerra tar-Russi u ċ-Ċeċeni.
Il-battalja, bla dubju, kienet diżastru għas-suldati Ċeċeni magħrufin bħala ‘il-kaċċaturi’ u li għandhom fama għall-brutalità tagħhom. Ingħad ukoll li kull wieħed mill-ġellieda Ċeċeni fl-Ukrajna ngħata pakkett karti-logħob bl-uċuh tal-uffiċjali Ukreni li spiċċaw ‘immarkati għall-mewt’ mill-Kremlin ta’ Moska.
Il-provinċja Russa taċ-Ċeċenja hi mmexxija minn Ramzan Kadyrov li hu alleat ewlieni tal-President tar-Russja u li kien ukoll qrib ħafna tal-Ġeneral maqtul.
//= $special ?>