Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Putin ‘iddisprat’ wara li sfumatlu l-viżjoni ta’ rebħa faċli

Il-qawwiet tar-Russja qed isibuha diffiċli ħafna li javvanzaw u jilħqu l-miri tagħhom – grazzi għall-qlubija tad-difensuri Ukreni li għadhom qed iżommu l-kolp fi Kiev u li issa  jidhru li tefgħu lura lit-truppi ta’ Vladimir Putin mill-belt prinċipali ta’ Kharkiv.

Minkejja li l-qawwiet Russi huma ferm aktar numerużi, it-truppi Ukreni, flimkien maċ-ċivili li qegħdin jiġġieldu kontra l-aggressuri, qegħdin jiksbu r-riżultati fuq il-kamp tal-battalja li ftit kienu qed jidhru possibbli fil-bidu tal-invażjoni.

Madankollu, is-sitwazzjoni ‘xejn favorevoli’ għal Moska qajjmet il-biża’ tal-Punent li l-President tar-Russja jista’ jirrikorri għall-miżuri drastiċi biex jelimina r-reżistenza. Filwaqt li żdiedu l-indikazzjonijiet  li l-qawwiet ta’ Belarus jistgħu ‘jirrinfurzaw’ l-assedju fuq l-Ukreni, hemm anki l-possibbiltà li Putin jibda juża bombi tat-tip ‘thermobaric’ fuq l-Ukrajna.

Dawn  huma fost l-aktar bombi letali mhux ta’ tip nukleari li qatt kienu żviluppati u l-osservaturi jemmnu li Putin ‘jista’ jasal għal kollox’ fost id-disprament dwar l-intoppi għas-suldati tiegħu fl-Ukrajna.

Il-gwerra ta’ Putin mhix miexja skont il-pjan oriġinali għaliex ir-Russja qed jispiċċawlha l-flus u l-armamenti. Il-viżjoni ta’ rebħa faċli sfumat u  mhux eskluż li Moska jkollha tidħol fin-negozjati mal-Gvern tal-Ukrajna jekk il-qawwiet Ukreni jirnexxilhom jiddefendu lil arthom fuq perjodu ta’ għaxart ijiem,

Qed ikun allegat li Vladimir Putin, issa, laqqa’ lill-oligarki Russi f’bunker li jinsab qalb il-Muntanji tal-Ural, b’diversi sorsi jiżvelaw li hu ‘infexx f’rabja kbira għaliex il-gwerra fl-Ukrajna qed toħloqlu daqstant problemi’. Dan meta Putin, qabel, kien konvint li l-Ukrajna kellha ċċedi lill-qawwiet tiegħu ‘ f’mhux aktar minn erbat ijiem bħala massimu’.

Filwaqt li l-gwerra qed tiswa l-biljuni kbar lir-Russja, is-servizzi sigrieti Ukreni qegħdin jgħidu li l-Armati ta’ Putin fadlilha r-rokits ( missili) għal ‘ftit jiem oħra biss’ u għaldaqstant qed  ikunu attenti ferm ‘li ma jaħluhomx fix-xejn’.