Elezzjoni 2022

“Ingħaqdu magħna għax il-PN qed jissaħħaħ kuljum” – Bernard Grech fiż-Żurrieq

Tkompli l-kampanja 'Miegħek. Għal Malta'

“L-elezzjoni fadlilha inqas minn xahar, imma moħna ma jistax ma jkunx ukoll mal-poplu Ukren. Ma nistgħux nibqgħu siekta u vjolenza mhux provokata ma tistax tibqa’ għaddejja. Hemm bżonn inkunu proattivi b’messaġġ ċar. Barra li ngħalqu l-ispazju tal-ajru lir-Russi, irridu nħassru l-attivitajiet tal-isport magħhom. Aħna ma nilgħabux ma min joqtol. Imma rridu nieqfu nbigħulhom il-passaporti tagħna sakemm jibqġħu joqtlu poplu ieħor”.

Hekk saħaq il-Kap tal-PN Bernard Grech fiż-Żurrieq filwaqt li qal li għandna npoġġu lill-poplu Ukren fuq il-lista l-ħadra sabiex nagħtuhom l-għajnuna li tant għandhom bżonn.

Grech appella lill-Prim Ministru biex jieqaf ibigħ il-passaporti lir-Russi u jiftaħ il-pajjiż għal min verament għandu bżonn l-għajnuna.

Quddiem il-Knisja taż-Żurrieq, Bernard Grech ikkonferma li se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali fuq il-5 Distrett li minnu jifforma parti r-raħal taż-Żurrieq.

Grech tkellem dwar kif ma’ kull jum li qed jgħaddi, il-PN qed ikompli jissaħħaħ u qal li ta kuljum jiltaqa’ ma’ aktar nies li qed jersqu lejn il-PN u qed iwegħdu li se jkunu qed jagħtu l-appoġġ sħiħ tiegħu sabiex pajjiżna jbiddel id-direzzjoni.

Dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li meta jwiegħed xi ħaga, hu jżommha.

Bernard Grech qal li issa li għaddiet l-ewwel ġimgħa tl-kampanja, il-Partit Laburista għadu lanqas biss nieda l-programm elettorali tiegħu.

Minn naħa tiegħu, il-PN kompla jikkonferma kemm tassew kien preparat u minflok tal-Labour Partit mabqud fuq sieq waħda, sabu tim preparat, bi programm lest u Partit lest li jiggverna.

Qal li tal-Labour ħasbu li l-PN se jkollu kampanja negattiva, imma minflok sabu kampanja pożittiva li kuljum qedgħda tikkonvinċi aktar nies li l-viżjoni li l-PN bena għall-poplu u għall-Malta hija l-viżjoni li dal-poplu għandu bżonn.

Il-Partit fil-Gvern mill-banda l-oħra qed juża r-riżorsi infiniti li għandu.

Il-PN qed jikkonsulta, qed jitkellem, qed jiddiskuti mal-esperti għax jaf xi jrid il-pajjiż. Il-PN jaf xi jridu n-nies.

Għall-kuntrarju, Robert Abela huwa Prim Ministru negattiv li għandu l-passat jiġri warajh. Prim Ministru li għandu rabtiet ma’ grupp ta’ kriminali. U Bernard Grech staqsa lil Robert Abela ‘Minn min qed titmexxa?’

Filwaqt li reġa kkonferma li hu se jikkontesta f’dan id-Distrett, Grech qal li hu għażel li jagħmel dan b’konvinzjon u mhux b’konvenjenza. Dan b’differenza ta’ Robert Abela li se jkun qed jikkontesta l-istess Distrett għab jibża’ mill-kollegi tiegħu stess.

Bernard Grech qal li Gvern Nazzjonalista ġdid mhux biss iġib lura r-reputazzjoni tajba lil pajjiżna imma se jkun qed jinvesti f’10 setturi ekonomiċi ġodda.

Inant il-folla li nġabret quddiem il-Knisja ta’ din il-lokalità kellha warm-up permezz tal-atmosfera sabiħa li kien hemm bil-mużika u bil-kant ta’ Kurt Calleja u Janvil.

L-ewwel kelliem f’din l-attività kien Jake Scerri Seychell, Viċi President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista li tkellem dwar l-importanza tal-proposti tal-PN fejn jidħol l-ambjent. Hu qal li l-ambjent verament hu priorità għall-Partit Nazzjonalista u li hu għalhekk li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jinċentiva lin-negozji li jaħdmu b’rispett lejn l-ambjent.

Scerri Seychell qal li hu kien attiv ħafna biex lil hinn mit-tagħlim akkademiku, iż-żgħażagħ jimirħu f’kull qasam. Hu qal li dejjem emmen fl-attiviżmu tal-istudenti u għaldaqstant il-proposta li tinċentiva lill-istudenti li jinvolu ruħhom b’mod attiv fl-għaqdiet studentestki hija waħda għal qalbu ferm.

Faħħar il-proposta tal-PN li tgħid li Gvern ġdid Nazzjonalista jħallas nofs l-interessi tal-ewwel ħames snin tal-loan – dan, qal Scerri Seychell juri kemm il-PN se jkun maż-żgħażagħ biex jibdilhom it-triq tal-ħajja adulta tagħhom.

Scerri Seychell appella liż-żgħażagħ biex jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista, għax il-Partit Nazzjonalista Miegħek Għal Malta.

Jake Scerri Seychell jindirizza r-rally fiż-Żurrieq

Indirizza wkoll dan ir-Rally David Casa, il-Membru Parlamentari Ewropew li qal li ftit tas-snin ilu, fl-istess lokalità kien beda kampanja oħra – dik favur sħubija fl-Unjoni Ewropea. Anke dakinhar, is-surveys kienu qed juru li l-messaġġ tal-Partit Laburista kontra s-sħubija kien qed jasal iktar, iżda bis-saħħa tal-poplu Malti, dan inbidel biex pajjiżna llum huwa parti minn din il-familja naturali tagħna.

Casa qal li l-Partit Laburista kien beżża lill-poplu bl-Ewropa, u qalulna li l-pajjiżi l-kbar kienu se jibilgħuna, imma minflok, għax il-Partit Nazzjonalista emmen fil-poplu tiegħu u fl-abbiltajiet tiegħu, illum, l-Ewropa qed titmexxa’ minn Maltija, minn Nazzjonalista, minn Roberta Metsola.

David Casa tkellem dwar il-kunflitt fl-Ukrajna u qal li n-newtralità ma tfissirx li pajjiżna jagħlaq ħalqu dwar kunflitt li qed ifisser tbatija kbira għall-poplu Ukren u appella lil Robert Abela biex jiftaħ pajjiżna għall-Ukreni li qed isofru u nuru verament solidarjetà magħhom filwaqt li talbu jwaqqaf il-bejgħ tal-passaporti lir-Russi sinjuri.

L-MEP Nazzjonalista qal li fil-Parlament Ewropew huwa tkellem mhux kontra l-poplu Malti imma kontra l-aġir tal-Gvern Laburisti, u ta dan qala’ attakki kontinwi mill-Partit Laburista.

Casa appella lil dawk preżenti biex jgħinuh ikompli jikxef il-qerq ta;-Gvern ta’ Robert Abela u qal li jekk irridu niddefendu l-liberta u d-demokrazija huwa biss il-PN.

Huwa staqsa llum min hu l-Prim Ministru… jekk hux Robert Abela jew Joseph Muscat hekk kif l-eks Prim Ministru reġa’ tfaċċa fl-attivitajiet tal-Labour.

David Casa għalaq id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-PN ta’ dak kollu li tah u appella lil kulħadd jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista u l-Kandidati tiegħu, anke jekk dawn ma jistgħux jagħlulhom il-favuri, iżda dawn lesti jaħdmu għall-pajjiż nadif, pajjiż rispettabli u ġust, u jmexxu lil pajjiżna kif jixirqilna lkoll.

L-MEP Nazzjonalista David Casa jitkellem waqt ir-Rally taż-Żurrieq