Elezzjoni 2022 Lokali

“Mal-PN il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda se jkunu l-ambaxxaturi ambjentali ta’ pajjiżna” – Bernard Grech

Kliem pożittiv ferm għall-proposta ta’ Bernard Grech li stqarr bl-aktar mod ċar li Gvern ġdid tal-PN se jtejjeb l-infrastruttura u l-faċilitajiet għas-sajjieda biex ikunu jistgħu jaħdmu f’ambjent aktar kompetittiv u effettiv, b’mod li jipprovdi dak kollu neċessarju għall-bżonnijiet tas-sajjieda.

Il-Ħadd filgħodu, Bernard Grech żar il-monti ta’ Marsaxlokk fejn iltaqa’ ma’ diversi persuni fosthom bejjiegħa u sajjieda, li minn naħa tagħhom faħħru l-proposti tal-Partit Nazzjonalista li b’mod dirett joltqu lilhom u jħallulhom aktar flus fil-but.

Filfatt, fid-dawl tal-għoli tal-ħajja, li semma’ minn ħafna nies f’Marsaxlokk meta kienu qed jitkellmu mal-Kap tal-PN, l-inċentivi tal-PN għan-negozji u s-sajjieda intlaqgħu tajjeb ħafna. Fuq fomm is-sajjieda, l-inċentivi u s-sussidji li ħabbar Bernard Grech fir-rigward tal-fjuwil, jekk il-poplu jafda lill-PN fit-tmexxija tal-pajjiż.

Kien hemm kliem ta’ tifħir għall-viżjoni tal-PN dwar il-biedja u s-sajd hekk kif Bernard Grech kompla jwiegħed li daw tal-aħħar se jaqdu rwol ċentrali f’dak li “rridu niksbu fil-politika ambjentali għal pajjiżna. Il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda se jkunu l-ambaxxaturi ambjentali ta’ pajjiżna u mhux ċittadini jew intrapriżi tat-tieni klassi. Se jkunu intrapriżi li se nwiżnuhom biex iwettqu t-trasformazzjoni meħtieġa ħalli jadottaw mezzi diġitali u innovattivi u jsiru aktar effiċjenti u produttivi.”

Minbarra dan, il-Kap tal-PN starr li lill-bdiewa, lir-raħħala u lis-sajjieda “jeħtieġ inwiżnuhom aktar minn qatt qabel b’appoġġ finanzjarju biex iżidu l-investimenti tagħhom, inħajru aktar bdiewa żgħażagħ, u ninċentivaw il-biedja organika.”

Diversi persuni li tkellmu ma’ Bernard Grech faħħru l-programm elettorali tal-PN għaliex kellhom iċ-ċans jaqrawh online u jfittxu l-iktar proposti li jolqtu lihom, fosthom diversi anzjani li setgħu jinnotaw kemm ser ikunu qed jgħixu ħajja aħjar bi Gvern ġdid Nazzjonalista. Dan l-istess sentiment inħass ukoll fost iż-żgħażagħ li tkellmu mal-Kap tal-PN matul iż-żjara tiegħu f’Marsaxlokk.

Il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mill-Viċi Kap David Agius u mill-Kandidat tal-PN fuq it-3 distrett. Din iż-żjara qed issir ftit sigħat qabel ir-rally li ser jindirizza Bernard Grech fiż-Żurrieq.