Futbol Sport

Tarxien ikomplu l-isfida b’rebħa kbira

Chris Cassar

MĠARR U. ……………………. 0

TARXIEN R. …………………… 4

Mġarr U: J. Chircop, I. Borg, L. Grech, C. Borg, J. Borg, M. Camilleri, D. Nkuru, I. Galea, C. Gauci, U. Calistus, P. Mota De Lima.

Tarxien R: J. Borg, C. Conceicao, D. Borg, R. Grech, D. Falzon, K. Cutajar, B. Muscat, B. Farrugia, M. Tabone, T. Nonato Peixoto, R. Silva Faria.

Referee: Emanuel Grech

Tarxien komplew l-isfida tagħhom għall-promozzjoni b’rebħa kbira u faċli kontra Mġarr United li b’din it-telfa komplew jersqu lejn ritorn immedjat fl-Amateur League wara din l-ewwel esperjenza tagħhom fiċ-Challenge League.  

Bidu kwiet u bilanċjat bl-ewwel tentattiv ikun minn naħa ta’ Mġarr permezz ta’ Jean Borg bil-ballun imur ftit barra. Fl-20 minuta Tarxien sfortunati meta xutt mid-distanza ta’ Darren Falzon stampa mal-mimduda u tliet minuti wara x-xorti reġgħet ċaħdet lir-Rainbows meta f’azzjoni konfuża Silva Faria laqat il-lasta u mir-round il-ballun kien b’xi mod kien maqlugħ minn fuq il-linja.

Il-gowl kien fil-qrib u wasal fis-26 minuta b’azzjoni tajba fuq il-lemin mitmuma minn Nonato b’xutt preċiż fil-baxx. Tarxien komplew jinsistu hekk kif Mġarr ma kellhom l-ebda risposta u fil-35 minuta rduppjaw b’azzjoni ta’ Ricardo Silva Faria li qabbeż il-bllun minn fuq difensur u għeleb lil Chircop mill-viċin.

Fit-tieni taqsima Tarxien komplew jattakkaw u mas-siegħa logħob wasal it-tielet gowl li kien skorjat minn Silva Faria li kompla għal ġewwa mill-viċin wara azzjoni ta’ korner. Fis-70 minuta ir-raba’ gowl tar-Rainbows permezz ta’ Darren Falzon. 

Pembroke rebħa bogħod mill-promozzjoni

PEMBROKE A. ……………….. 3

MQABBA ……………………… 0

Pembroke A: M. Grech, D. Sant, K. Frendo, E. Ferreira, J. Suda, C. Zammit, J. Bajada, J. Bondin, W. Gomes, N. Ghio, S. Jankovic.

Mqabba: C. Abdilla, J. Briffa, A. Cilia Mumford, O. Khatib, N. Falzon, G. Manninio, S. Kind, R. Spiteri, L. Mijic, R. Melo Costa, L. Musu

Referee: Malcolm Spiteri

Pembroke skorjaw tliet darbiet fit-tieni taqsima biex għelbu lil Mqabba u kisbu tliet punti biex bihom għamlu pass ieħor importanti lejn il-promozzjoni. Issa t-tim immexxi minn Jacques Scerri jonqsu biss tliet punti mill-aħħar erba’ logħbiet biex

L-ewwel taqsima kienet waħda kwieta bi ftit azzjonijiet ta’ skor fejn Pembroke gawdew minn supremazija territorjali tista’ tgħid għat-tul kollu tal-ewwel 45 minuta. Mqabba rarament resqu lejn il-lasta avversarja iżda mill-banda l-oħra minkejja l-isforzi tagħhom Pembroke ftit li xejn kellhom tentattivi lejn il-lasta.

Għaxar minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima l-goalkeeper Abdilla dawwar għal korner b’mod spettakolari fuq xutt bomba ta’ Gomes. Fis-56 minuta Pembroke fetħu l-iskor meta Ferreira antiċipa l-ħarġa tal-goalkeeper u skorja b’lob preċiż.

Ftit minuti wara xutt bomba ta’ Kyle Frendo kien imxellef mill-goalkeeper bil-ballun jaħbat mal-mimduda. Fil-65 minuta Jurgen Suda twaqqa’ fil-kaxxa bir-referee jordna l-penalty li minn l-istess Suda ma żbaljax.

Fit-78 minuta wasal ukoll it-tielet gowl b’azzjoni fuq il-lemin u krss lejn Jankovic u antiċipa lil kulħadd fuq l-ewwel lasta u skorja b’daqqa ta’ ras.