Żewġt irġiel mill-Georgia, wieħed ta’ 38 u l-ieħor ta’ 45 sena, kienu arrestati mill-Pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, b’rabta ma’ sensiela ta’ serq minn residenzi privati.
Mill-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija rriżulta li fl-aħħar xhur seħħew mill-inqas 15-il serqa,
f’diversi lokalitajiet madwar Malta. Il-mira kienu djar privati fil-ħin li ma kien hemm ħadd
ġewwa.
Fost l-oġġetti misruqa, ġojjellerija, ħwejjeġ, fwieħa u flus kontanti.
L-investigazzjonijiet wasslu biex il-Pulizija tidentifika żewġ persuni li allegatament wettqu
dawn is-serqiet u anke fejn kienu qegħdin jgħixu biex il-Ġimgħa
waranofsinhar, il-Pulizija ċċirkondat residenza f’Ħaż-Żabbar u ġew arrestati ż-żewġt irġiel.
Jidher li l-irġiel jiffurmaw parti minn allegat ċirku ta’ kriminalità organizzata internazzjonali.
Minn tfittxija li saret fil-post fejn sar l-arrest, il-Pulizija elevat ħafna mill-affarijiet li ġew
irrapportati misruqa.
L-irġiel se jitressqu l-Qorti llum fil-11.00am quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli, mill-Ispetturi Christina Delia u Joseph Mercieca mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u l-Ispettur Ryan Vella tad-Distrett.
//= $special ?>