“Jiena dejjem imxejt b’korrettezza waqt li kont qed nokkupa l-kariga ta’ Avukat għall-Awtorità tal-Ippjanar.”
Sostna dan Robert Abela, fejn viżibilment skomdu għall-aħħar, waqt konferenza tal-aħbarijiet il-ġurnalisti – inkluż Net News – staqsew id-domanda fuq fomm kulħadd, jekk kinitx kumbinazzjoni li daħal fid-deal tal-“biċċa plot ta’ Ħaż-Żabbar” meta ħareġ il-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar għal Christian Borg.
Net News ilu jiem sħaħ jistaqsi lil Abela dwar dan id-deal, bil-Leader Laburista jaħrab għal kollox mid-domandi.
It-Tnejn filgħodu xorta waħda ħarab għal kollox milli jwieġeb b’mod ċar u tond fejn ċaħad li kien hemm xi tip ta’ suspett dwar dan, minkejja li bosta qed jisħqu għalfejn fil-jum li ħareġ il-permess fuq persuna oħra huwa daħal għal din il-biċċa business.
Minn dan id-deal, fatti iswed fuq l-abjad juru li Robert Abela daħħal €45,000 waqt li kien qed idawwar minimu ta’ €17,000 fix-xahar mill-Awtorità tal-Ippjanar, kif ukoll waqt li kien qed jokkupa l-pożizzjoni ta’ backbencher Laburista u Konsulent tal-Kabinett tal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat.
Abela kompla bir-retorika solita tiegħu li din hi biss spin elettorali, iżda l-fatti huma hemm, madankollu minkejja dan xorta baqa’ jaħrab milli jwieġeb fost oħrajn jekk hux se jkun qed javviċina lill-Pulizija biex jinvestigawh u jnaddaf ismu hekk kif b’rabta ma’ dan il-każ qed ifeġġu allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus.
Ma weġibx ukoll għaliex m’għamilx due diligence hu personali rigward dan id-deal.
Ma weġibx jekk għamilx aktar deals mal-persuni l-oħrajn involuti f’dan id-deal.
Madankollu, id-domanda ewlenija tibqa’ waħda: għaliex kien qed jaħrab minn domandi sempliċi bħal kemm għadda żmien bejn il-konvenju u t-trasferiment, kif ukoll kemm għamel profitt … x’qed jaħbi aktar Robert Abela?