Gvern ġdid Nazzjonalista iwiegħed li dawk kollha eliġibbli għas-servizz tal-IVF se jkollhom il-proċess kollu kopert bla ħlas, inkluż it-trattament, il-faċilitajiet, il-konsultazzjonijiet u l-mediċini kollha neċessarji.
Hekk kif il-Ħamis li għadda ġie ppreżentat il-programm eletterali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema Viżjoni għal Malta 2030, ħarġu dettalji dwar il-proposti li qed jagħmel il-Kap tal-PN Bernard Grech biex jgħin lil dawk il-familji li jkollhom bżonn jagħmlu t-trattament tal-IVF.
Proposti li kienu milqugħa b’mod mill-iktar pożittiv minn Janice Busuttil, li ilha żmien twil titkellem dwar kemm dawn il-familji għandhom bżonn li tingħatalhom l-għajnuna kollha neċessarja. Janice stqarret li meta semgħet din il-proposta li qed iressaq il-Partit Nazzjonalsita, kien mument ta’ soljev għaliha hekk kif fl-aħħar hawn xi ħadd li qed jisma’ l-karba tagħhom. Dan hekk kif taħt Gvern Nazzjonalista…dawk kollha eliġibbli għas-servizz tal-IVF se jkollhom il-proċess kollu kopert bla ħlas, inkluż it-trattament li jsir kemm f’Malta kif ukoll għal dawk li jagħżlu li jagħmlu t-trattament barra minn xtutna.
Apparti dan, ommijiet li jkunu welldu tarbija permezz tas-servizz tal-IVF jibqgħu eliġibbli li jużaw l-proċess kollu bla ħlas għal ċikli sussegwenti biex ikollhom aktar tfal.
Gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jibqa’ jinvesti fis-servizzi tal-IVF u tal-maternità f’pajjiżna. Dan sabiex il-faċilitajiet marbuta mat-twelid tat-tarbija, offruti f’pajjiżna, ikunu fost l-aqwa fl-Ujoni Ewropea.