Futbol Sport

Il-FIFA u l-UEFA jissospendu lit-timijiet Russi mill-kompetizzjonijiet kollha

Il-FIFA u l-UEFA ħabbru li issospendew it-timijiet Russi kollha mill-kompetizzjonijiet tagħhom li jinkludu l-UEFA Champions League, il-UEFA Europa League, il-Conference League kif ukoll it-Tazza tad-Dinja tal-Qatar. Fi stqarrija dawn qalu li huma maqgħudin mal-poplu Ukren f’dan il-mument diffiċli.

Il-Kunsill tal-FIFA kif ukoll il-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA qablu li t-timijiet Russi għandhom ikunu sospiżi mill-kompetizzjonijiet tagħhom għal perjodu indefinit.

Konsegwenza ta’ dan Spartak Moskow ġew eliminati mir-round tal-aħħar sittax tal-UEFA Europa League, b’RB Leipzig jikkwalifikaw għall-fażi li jmiss.

Intant il-UEFA ħabbret ukoll li waqqfet ir-relazzjoni tagħha mal-kumpanija Russa tal-enerġija Gazprom, sostenitur ewlieni fil-UEFA Champions League kif ukoll fil-Euro 2024.