Għexieren ta’ ċivili tilfu ħajjithom fost il-bumbardamenti bla heda mill-qawwiet Russi fuq il-belt ta’ Kharkiv, lejn il-lvant tal-Ukrajna. Il-bumbardamenti ħallew anki l-mijiet tal-midruba wara li s-suldati ta’ Vladimir Putin sparaw il-missili tat-tip Grad lejn iz-zoni residenzjali.
Il-kelliema għall-Gvern Ukren qalu li dak li qed iseħħ f’Kharkiv hu ‘simboliku tal-politika tad-dmija li jrid Putin’ u meta d-dinja kollha qed tara l-atroċitajiet li qegħdin iseħħu fl-Ukrajna.
Għalissa mhux possibbli li wieħed joħroġ ċifri eżatti dwar iċ-ċivili li mietu fil-bumbardamenti tal-bliet Ukreni. Intant, Michelle Bachelet, bħala l-uffiċjal ewlieni tan-Nazzjonijiet Uniti b’responsabbiltà għad-drittijiet umani qalet li nqatlu ‘biċ-ċert’ 102 Ukreni, b’aktar minn 300 jisfaw midruba.
Bachelet qalet li l-maġġoranza ta’ dawn iċ-ċivili nqatlu minn materjal splussiv ta’ kalibru mill-aktar qawwi — b’referenza għall-missili sparati mill-art u mill-ajru u anki b’kaġun tar-riġmenti tal-artillerija Russi. Sadanittant, Bachelet esprimiet ukoll il-biża’ li l-vera ċifri tal-mewt huma konsiderevolment ogħla minn dawk preżentati sa issa.
//= $special ?>