Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Jikber l-assedju fuq Kiev, bis-suldati tal-Belarus jistgħu jidħlu minn ħin għall-ieħor

Il-qawwiet tal-ajru tar-Russja ftit tal-minuti ilu fetħu baraxx ġdid ta’ bumbardamenti fuq il-kapitali Ukrena Kiev waqt li serbut twil ta’ tankijiet tal-gwerra kienu qed javvanzaw sa ftit kilometri biss ‘il bogħod minn din il-belt. Kollox, intant, jindika li s-sigħat li jmiss se jkunu kruċjali għall-Ukreni li s’issa ddefendew il-kapitali b’daqstant qlubija kontra militar bil-wisq aktar superjuri u armat sa snienu.

U waqt li l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi dieħla fis-sitt jum, qed jidher li t-truppi tal-President Russu Vladimir Putin issa qed jippruvaw jiċċirkondaw għal kollox lill-kapitali Ukrena. Dan wara li t-truppi tal-Ukrajna, megħjuna minn ċivili armati b’azzarini Kalashnikov u bil-bombi ‘molotov’, irnexxielhom jitfgħu lura lill-militar ta’ Putin li s’issa fallew dejjem quddiem il-furja tad-difensuri.

Ritratti meħudin mis-satellita qegħdin juru l-konvoj tat-tankijiet Russi fil-periferiji tal-ajruport ta’ Antonov ta’ Kiev u meta l-konvoj qed jinkludi anki mijiet ta’ vetturi armati oħra u artillerija. Intant, ritratti oħra qed juru numru ta’ truppi Russi waqt li qed javvanzaw fuq Zdvyzhivka, lejn il-Grigal ta’ Kiev.

Sadanittant, mhux eskluż li l-qawwiet tal-Belarus — alleat ewlieni ta’ Vladimir Putin — jintroduċu ruħhom f’dan it-teatru ta’ gwerra bħala reinforzi għall-qawwiet tar-Russja. Jekk dan iseħħ tassew fis-sigħat li ġejjin, l-Ukreni jkunu kostretti li jiġġieldu fuq aktar fronti — u għall-ewwel darba kontra ‘għedewwa mill-Belarus’. Dan meta l-Ukrajna u l-Belarus (s’issa) ma daħlu qatt fi gwerra ma’ xulxin fiż-żmien kollu li ilhom jeżistu bħala pajjiżi.

Il-qawwiet u r-residenti Ukreni fi Kiev, madankollu, huma determinati li l-kapitali ma taqax f’idejn il-qawwiet ta’ Putin speċjalment wara l-aħħar suċċessi militari fil-madwar ta’ Kiev. Iżda minkejja li l-Ukreni rnexxielhom ixejnu l-attakki kollha li saru s’issa fuq Kiev, l-uffiċjali tal-Istati Uniti qed jinkwetaw li r-Russi kapaċi jilħqu xorta l-objettivi militari tagħhom ladarba huma jbiddlu t-tattiċi tal-gwerra li użaw s’issa.

Fl-istess ħin, il-qawwiet Russi, fl-aħħar sigħat, użaw il-‘cluster bombs’ fuq Kharkiv, it-tieni belt tal-Ukrajna, fost indikazzjonijiet li nqatlu l-għexieren ta’ ċivili Ukreni. L-osservaturi jemmnu li l-komunità internazzjonali se tressaq dalwaqt akkużi dwar reati kontra l-umanità fil-konfront tar-Russja minħabba l-Konvenzjoni li tipprojbixxi l-użu ta’ armamenti bħall-cluster bombs fuq iz-zoni ċivili.