Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Pass storiku mill-Iżvizzera li qed timplimenta s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja

L-Iżvizzera — wara għexieren ta’ snin ta’ newtralità — qed taddotta u timplimenta s-sanzjonijiet kollha li l-Unjoni Ewropea ressqet kontra r-Russja.

Mifhum li mhumiex se jkun hemm l-eċċezzjonijiet meta talanqas ħames oligarki prominenti Russi huma diġà projbiti milli jidħlu l-Iżvizzera. Aktar sinifikanti hu l-fatt li l-Iżvizzera ffriżat, b’seħħ immedjat, il-kontijiet tat-336 Russu li spiċċaw fuq il-lista tas-sanzjonijiet tal-UE — fosthom il-President Russu Vladimir Putin u l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov.

Dan fost indikazzjonijiet li l-akbar sinjuruni fir-Russja — li kważi kollha huma qrib ħafna ta’ Putin — għandhom il-biljuni tad-dollari investiti fil-bankijiet tal-Iżvizzera. Intant, l-ispazju tal-ajru tal-Iżvizzera hu magħluq għall-ajruplani domestiċi tar-Russja, bl-Iżvizzeri mhummiex joperaw it-titjiriet lejn Moska u l-ibliet Russi oħrajn.