Internazzjonali

IL-Gwerra tal-Ukrajna: Putin qed jipprova ‘jaħbi l-fallimenti tal-qawwiet tiegħu’ b’diskors dwar l-aspett nukleari

Is-Segretarju tar-Renju Unit  għad-Difiża, fl-aħħar diskors, imminimizza t-theddida mill-‘alert nukleari speċjali’ li kien ħabbar sigħat qabel il-President Russu Vladimir Putin. Ben Wallace qed jissuġġerixxi li Putin irrefera għall-‘għażla nukleari’ f’diskors intiż biex itellef l-attenzjoni tal-poplu Russu mill-fatt li l-invażjoni tal-Ukrajna staġnat f’diversi bnadi — bit-truppi Russi mhumiex jagħmlu l-progress mixtieq minn Moska.

Wallace qal li Vladimir Putin qed juża anki gwerra bil-kliem f’din is-sitwazzjoni u li r-Renju Unit u l-Punent mhumiex beħsiebhom jeskalaw il-kriżi.

Sadanittant, il-Kremlin ta’ Moska ssuġġerixxa li r-Russja poġġiet il-qawwiet nukleari fuq stat ta’ allert ogħla minħabba ‘il-kummenti tas-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Liz Truss’. Filwaqt li Moska ma dettaljatx il-kummenti li tant urtawha, is-Segretarju Truss kienet qalet, fi tmiem il-ġimgħa, li għandha tappoġġja lill-individwi mir-Renju Unit li jixtiequ jissieħbu ma’ qawwa internazzjonali li tmur tiġġieled fuq in-naħa tal-Ukrajna.