Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Se jsiru aktar taħditiet mar-Russja fil-jiem li jmiss

Ir-Rappreżentanti tar-Russja u l-Ukrajna kkonkludew sensiela twila ta’ taħditiet bil-ħsieb li jaslu fi ftehim għall-waqfien mill-battalji li ilhom għaddejjin mill-Ħamis fit-territorji Ukreni . It-taħditiet bejn id-delegazzjonijiet avversarji saru fil-Belarus — bir-Russja ttenni li hi u r-rappreżentanti Ukreni qablu biex ikomplu mill-aktar fis bit-taħditiet.

Jidher ukoll li hemm ipprogrammata laqgħa oħra bejn id-delegazzjonijiet fil-ġranet li ġejjin. Dan meta d-delegazzjonijiet qed jirritornaw lejn l-ibliet kapitali rispettivi għall-konsultazzjonijiet qabel it-tieni rawnd tat-taħditiet.

Ma kienx hemm wisq tama li l-ewwel fażi tat-taħditiet kellha twassal għal ftehim biex il-qawwiet Russi joħorġu mill-Ukrajna — u bħalma qed jitlob il-President Ukren Volodymyr Zelensky. Dan waqt li l-Kremlin ta’ Moska għamilha ċara li ‘mhux se jħabbar il-pożizzjoni tiegħu’.