Lokali

Ilmenti dwar skeda ġdida b’nuqqas ta’ vjaġġi tal-fast ferries bejn Malta u Għawdex

Il-ħaddiema qed idumu iktar minn sagħtejn biex sempliċiment jaqsmu bejn Malta u Għawdex meta dan is-servizz sar biex jiffaċilità l-bżonnijiet tal-ħaddiema Għawdxin

Fl-aħħar jiem, numru ta’ persuni lmentaw dwar skeda ġdida għall-fast ferries bejn il-gżejjer Maltin li minflok żdiedu l-vjaġġi, spiċċaw naqqsu drastikament bejn il-5pm u s-7pm.

Din l-iskeda, li tapplika mill-1 ta’ Marzu, hi dwar iż-żewġ kumpanijiet tal-fast ferries, Virtu Ferries Gozo u Gozo Fast Ferry, liema vjaġġi jsiru bejn il-Belt Valletta u l-Imġarr, Għawdex.

L-Assoċjazzjoni Ħaddiema Għawdxin f’Malta (AGEM) qalet kif ħaddiema mis-settur privat kif ukoll miċ-Ċivil li jispiċċaw mix-xogħol fil-ħamsa ta’ filgħaxija jew anke wara mhumiex moqdija bl-iskeda preżenti, b’riżultat li wara ġurnata xogħol, qed idumu iktar minn sagħtejn biex jaqsmu bejn Malta u Għawdex. Kompliet li din is-sitwazzjoni mhix aċċettabli fejn dawn il-ħaddiema qed jitħallew jistennew medda ta’ sagħtejn sabiex jaqbdu l-vjaġġ li jkun imiss jew inkella jidħlu fi spiża akbar biex jaqbdu taxi għaċ-Ċirkewwa sabiex jaslu d-dar f’ħin diċenti.

L-AGEM qalu li minkejja li dan is-servizz kien sar biex jaqdi aħjar il-bżonnijiet tal-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta. Sfortunament, wara aktar minn tmien xhur li ġie varat dan is-servizz, għad fadal numru ta’ lmenti validi fejn juru biċ-ċar li s-servizz għadu mhux jaqdi b’mod konsistenti l-bżonnijiet ta’ dawk il-ħaddiema li jaqsmu ta’ kuljum.