Elezzjoni 2022 Lokali

“Is-saħħa mentali għandha tkun prijorità” – Daniel Vella Fondacaro

Il-psikjatra Daniel Vella Fondacaro f’diskors li għamel f’Raħal Ġdid, stqarr li jrid ikollna tama fil-futur tagħna u ta’ pajjiżna u b’hekk fis-26 ta’ Marzu l-poplu għandu juża l-vot tiegħu biex jagħti tama lill-futur tiegħu b’mod speċjali s-saħħa mentali tal-individwu.

Vella Fondacaro dwar kif id-deċiżjonijiet li jieħdu l-politiċi jaffetwaw is-saħħa mentali ta’ kull individwu u b’hekk hemm bżonn ukoll li jsir investiment serju fis-saħħa mentali. Il-Psikjatra faħħar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista li flimkien mal-Kap Bernard Grech se jkunu qed jagħtu mportanza u jpoġġu dan is-settur prijorità fejn fost l-oħrajn se jkunu qed jinvestu f’faċilitajiet li jilqgħu tfal u adoloxxenti li jbagħtu minn problemi ta’ saħħa mentali.

Fid-diskors tiegħu, Vella Fondacaro faħħar l-investiment li l-Partit Nazzjonalista fil-passat għamel fil-qasam tas-saħħa fejn fost l-oħrajn investa fl-isptar tal-onkoloġija Sir Anthony Mamo. Hu semma wkoll kif l-ambjent u n-nuqqas ta’ spazji ħodor jaffetwaw is-saħħa mentali u semma wkoll dwar l-importanza li jkun hemm aktar edukazzjoni għall-pubbliku u li wieħed jisma’ mis-suġġerimenti tal-esperti tas-saħħa.

Daniel Vella Fondacaro temm billi qal li anqas minn xahar ieħor il-poplu għandu jagħmel deċiżjoni fejn qabel ma jagħmel dan wieħed għandu jħares lejn il-proposti taż-żewġ partit u jagħżlu dak il-partit li se jkun qed jassigura futur li jsebbaħ lil pajjiżna u li jinvesti fis-saħħa mentali flok itappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.