Elezzjoni 2022 Lokali

JINKIXEF: Robert Abela jikkopja u jirriċikla wegħdiet għall-manifest tiegħu

Wegħdiet li diġà saru... u oħrajn meħuda mill-Manifest tal-PN

Jikkopja l-proposta taċ-Children’s Allowance u jirrepeti l-wegħda tal-IVF

Il-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista għall-ħames snin li ġejjin mhu xejn għajr manifest li jikkopja mill-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista u fi bnadi oħra jirriċikla wegħdi li ilhom isiru s-snin.

Fil-Konferenza tal-aħbarijiet tal-lum fejn Robert Abela ressaq xi proposti, li sa issa jibqgħu vagi, deher ċar li l-Partit Laburista ma kellux programm lest, u issa spiċċa qabad il-Manifest tal-Partit Nazzjonalista u qed jikkopja minn fuqu.

Wara li ma żammx mal-wegħdi li għamel is-sena li għaddiet lill-koppji li jridu jagħmlu użu mit-trattament tal-IVF, Abela reġa’ rrepeta l-wegħdi li kien għamel. Sal-lum, koppji li qed jużaw dan is-servizz għadhom jittalbu mal-Gvern Laburista jtihom dak li ilu li wegħedhom. Issa Abela qed jerġa’ jwegħdhom dak li ma tahomx hu stess.

Robert Abela mbagħad dar fuq iċ-Children’s Allowance. Wara li l-Partit Nazzjonalista qal li se jżid din l-allowance b’€150 għat-tfal kollha, u b’€250 fis-sena għal familji bi dħal taħt it-€12,000, Abela wiegħed li se jżidha b’€90.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ppropona wkoll żieda ta’ €1,000 fid-Disability Childrens Allowance, Robert Abela ma semma l-ebda żieda għal familji ta’ tfal b’diżabbilta kif lanqas ma semma’ għajnuniet għall-Foster Carers. Dan b’kuntrast mal-PN li qed jipproponi żieda ta’ €1,500 fil-Foster Carer Allowance.

Wara li l-proposta tal-Partit Nazzjonalista li ż-żgħażagħ kollha Maltin u Għawdxin minn 16 sa 21 sena jingħataw voucher ta’ €500 li bih imorru btala fl-Ewropa intlaqgħat tajjeb ferm, Abela kkopja din ukoll.