Lokali

KONFERMA: Il-Prim Ministru daħħal €45,000 minn negozju suspettuż ma’ Christian Borg

Bejgħ ta' art fl-istess jum li l-Planning ħarġet permess dwarha

Mhux ta’ b’xejn li l-Prim Ministru Robert Abela ilu ġimgħatejn jaħrab il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar in-negozju li għamel ma’ allegat krimininal li kien klijent legali tiegħu meta hu kien konsulent legali tal-Awtorità tal-Ippjanar.

It-Times dalgħodu żvelat kif Robert u Lydia Abela ffirmaw ftehim ma’ Christian Borg fl-istess jum preċiż li l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet permess għal żvilupp ta’ l-istess art li trasferew bejniethom.

Il-ġurnal żvela kif Lydia Abela mart il-Prim Ministru daħlet f’ biċċa negozju fuq biċċa art f’Ħaż Żabbar. Fl-istess jum preċiż li daħlet f’dan in-negozju, Christian Borg, li llum għandu fuq rasu lista sħiħa ta’ akkużi ta’ reati kriminali, irċieva l-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar biex jibni disa’ appartamenti u garaxxijet fuq l-istess biċċa art. Inċidentalment, Borg ma kellu l-ebda rabta ma’ din l-art, imma għal xi raġuni applika għall-permess tal-iżvilupp tagħha u inċidentalment mart Robert Abela ffirmat id-deal fuq l-istess art fl-istess jum li ħareġ permess fuqha.

Id-deal saret f’Ġunju tal-2018. Madankollu, Borg applika għall-permess biex jiżviluppa l-art f’Novembru tal-2017 – ħafna qabel ma kellu konnessjoni mal-propjetà.

Net News ilu jistaqsi lil Robert Abela dwar dan id-deal suspettuż iżda sal-lum baqa’ jaħarab mid-domandi tagħna. L-istess għamlet martu Lydia affaċċjata b’mistoqsijiet simili.

Illum wieħed jifhem għalfejn il-koppja Abela baqgħu jevitaw li jagħtu spjegazzjoni dwar negozju li għamlu ma’ allegat kriminal li kien klijent tagħhom stess.

Iz-zona f’Ħaż-Żabbar