Applikazzjoni li se żżid 73 appartament biex toħloq kumpless ta’ 125 post, se tinstema’ għat-tieni darba mill-Kummissjoni tal-Ippjanar fl-1 ta’ Marzu f’nofsinhar, wara deċiżjoni li tintalab reviżjoni tal-applikazzjoni mill-Kunsill Eżekuttiv.
Dan ħareġ minn stqarrija ta’ Moviment Graffitti fejn qalu li l-uffiċjal tal-każ kien irrakkomanda li din l-applikazzjoni tiġi miċħuda, bl-argument li dan l-iżvilupp se jeċċedi r-regolamenti tal-għoli u l-kobor, li jmur kontra l-policies tal-ippjanar, u li ma jimxix mar-regolamenti tas-sanità.
Huma komplew li l-Kummissjoni tal-Ippjanar kienet fid-dmir li tirrifjuta din l-applikazzjoni fin-nuqqas ta’ raġuni valida biex taċċettaha. Madanakollu, minflok ma rrifjutatha, intużat strateġija ġdida – il- Kummissjoni tal-Ippjanar talbet reviżjoni mill-Kunsill Eżekuttiv, entità oħra tal-PA immexxija miċ-Chairperson Eżekuttiv Martin Saliba, li m’għandu jkollha x’taqsam xejn mar-reviżjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn.
Graffitti żiedu li din hija wkoll it-tielet applikazzjoni f’sensiela ta’ tattiċi invażivi minn Portelli u s-sħab tiegħu fin-negozju li se toħloq blokka enormi li se tiddomina lis-Sannat. Il-qsim ta’ żvilupp wieħed, f’applikazzjonijiet differenti, taħt ismijiet differenti, biex jiġu evitati l-iskrutinju u l-Assessjar tal-Impatt Ambjentali, hija tattika li ġiet użata qabel u li diġa’ kkaġunat ħafna ħsara f’villaġġi Għawdxin oħrajn bħall-Qala.
Qalu li biex tgħaxxaqha, din it-tielet applikazzjoni kienet ibbażata kompletament fuq il-preżunzjoni li t-tnejn ta’ qabel jiġu approvati qabilha, bil-konsegwenza li l-kundizzjonijiet tas-sit inbidlu f’wieħed li m’għadux jagħti fuq art ODZ. Dan għaliex qegħdin isiru wkoll xogħolijiet illegali biswit dan il-proġett, li jwasslu għax-xifer tal-irdumijiet ta’ Ta’ Ċenċ – twissija minn qabel ta’ proġett ieħor li qiegħed jinħema u li jaf jagħlaq l-aċċess pubbliku għal dawn l-irdumijiet tant sbieħ. L-iżvilupp enormi ta’ Portelli jinkludi ġonna privati ddisinjati li qegħdin jiġu reklamati bħala parti mill-kumpless.Huwa ċar li l-bordijiet tal-PA qed jagħtu lil Portelli trattament speċjali. Nhar it-Tlieta, applikazzjoni oħra marbuta ma’ dan l-istess żvilupp se tinstema’ mill-PA, biex isiru xi aġġustamenti għal applikazzjoni għal 22 appartament fuq l-istess sit.
Graffitti żiedu li l-każ tal-iżvilupp ta’ Portelli fis-Sannat juri li l-pjanijiet qarrieqa li l-iżviluppaturi qegħdin ifasslu biex jagħmlu iktar profitt, a skapitu tal-ibliet u l-irħula sbieħ tagħna, qegħdin isiru iktar eleborati u bla mistħija. Barra min hekk, l-PA stess il-ħin kollu tħalli żviluppaturi jiksru l-policies tagħha stess, u b’hekk saret istituzzjoni li assolutament ma tiffunzjonax. Dawn il-proġetti ta’ ħsara u l-iskemi diżonesti li qegħdin jintużaw mill-iżviluppaturi u mill-PA iridu jieqfu. L-irdumijiet tant sbieħ Għawdxin u l-villaġġ pittoresk tas-Sannat għandhom jitħallew fil-paċi, mhux jiġu misruqa mill-iżviluppaturi li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jikkummerċjalizzaw artna għall-profitti tagħhom.
//= $special ?>