Elezzjoni 2022 Kultura Lokali

L-identità nazzjonali fiċ-ċentru tal-viżjoni tal-PN

Illum waranofsinhar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu l-okkażjoni jiltaqa’ mad-dilettanti tal-Karnival, li lkoll faħħru l-impenn tal-PN favur il-kultura u t-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna.

Id-dilettanti tal-Karnival esprimew id-diżappunt tagħhom li l-Karnival kellu jiġu pospost għal darba darbtejn. Bernard Grech qal li issa wasalna fiż-żmien li dawn l-attivitajiet kulturali fosthom il-Karnival u l-festi jerġgħu jibdew isiru bil-mod tradizzjonali kif aħna mdorrijin bihom.

Bernard Grech stqarr li fil-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hemm l-identità nazzjonali, “identità li tagħmilna kburin li aħna Maltin.” Fost l-elementi ewlenin tagħha hemm il-lingwa, il-wirt storiku, it-tradizzjonijiet, l-arti, il-kultura, il-festi, il-baned, il-kmamar tan-nar u l-karnival. “Dawn ilkoll jgħaqqdu lil bosta Maltin u Għawdxin li għandhom passjoni kbira lejn l-identità Maltija u jużaw it-talenti tagħhom biex dawn l-oqsma jiġu indukrati, jibqgħu sostnuti u jingħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra.”

Il-Kap tal-PN qal li pajjiżna huwa mogħni b’talenti u kapaċitajiet li tant aħna kburin bihom u li nistgħu nwassluhom f’kull rokna tad-dinja għax dawn huma dak li jirrifletti tassew il-karattru tal-Maltin u tal-Għawdxin.