Spettur veteran fil-Korp tal-Pulizija li kien jinvestiga każijiet serji ta’ kriminalità organizzata f’pajjiżna tniżżel mill-kariga li kellu u issa ġie assenjat dmirijiet bażiċi wara nuqqas ta’ qbil mas-superjuri tiegħu dwar dawn l-investigazzjonijiet.
Dan irrappurtah it-Times of Malta fejn qal li Kevin Pulis li ilu mill-2020 jinvestiga każijiet serji issa minflok qed iservi f’għases tal-Pulizija differenti.
Jidher li l-fatt li Pulis mexxa fuq każ ta’ ittri anonimi ta’ theddid mibgħuta minn ċertu Joseph Borg. Borg spiċċa l-Qorti jiffaċċja akkużi serji wara l-azzjoni li ħa Pulis, u dan jidher li ma niżel tajjeb xejn ma’ ċertu uffiċjali fil-Korp tant li xahar wara Pulis spiċċa jaqlagħha b’dan it-transfer.
Mossa li qed titqies minn ħafna bħala umiljazzjoni għal Pulis hekk kif tneżża mir-rwol importanti li kellu fejn fost l-oħrajn kien inkarigat minn investigazzjonijiet marbuta ma’ każijiiet serji ta’ traffikar ta’ drogi, u kien propju hu l-ispettur li poġġa lil Yorgen Fenech formalment taħt arrest.
Stqarrija tal-Pulizija li ħarġet b’reazzjoni filwaqt li ma qablitx mad-dati li semmiet it-Times, ikkonfermat li Pulis issa qed iservi fid-distretti u rribattiet il-fatt li huwa tnaqqaslu r-rwol billi qalet li l-funzjoni ta’ Spettur fl-għases hija xorta waħda investigattiva.
Mistoqsi dwar dan kollu, Pulis qal li ma setax jikkummenta għax kien prekluż mil-liġi.
//= $special ?>