Elezzjoni 2022 Lokali

“Gvern Nazzjonalista jpoġġi l-kwalità tal-ħajja partikolarment is-saħħa mentali, fiċ-ċentru tal-politika” – Bernard Grech

Flimkien mal-professjonisti, Gvern Nazzjonalista se jkun qed jibni mill-qiegħ riforma estensiva fil-kura tas-saħħa mentali, b’bidla qawwija favur l-appoġġ u trattament fil-komunità u impenn kollettiv kontra l-istigma lejn is-saħħa mentali. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’attività politika li sarer taħt it-tinda f’Raħal Ġdid.

Hu spjega kif Gvern Nazzjonalista se jkun qed jibni sptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali fil-viċinanzi tal-Isptar Mater Dei u li se jkun qed jissostitwixxi l-isptar Mount Carmel, iffukat sabiex jittratta pazjenti b’kundizzjonijiet akuti. Tenna li se jkunu qed jiġu żviluppati wkoll numru ta’ ċentri u faċilitajiet dedikati għat-tfal u żgħażagħ ta’ etajiet differenti li jkollhom bżonn kura tas-saħħa mentali f’xi żmien jew ieħor ta’ ħajjithom.

Fl-istess attività politika li saret fil-lokalità ta’ Raħal Ġdid, il-Kap tal-PN Bernard Grech tkellem dwar it-tmien proposti ġodda li ressaqt il-PN dalgħodu.

Saħaq li kull wieħed u waħda minnha jgħaddi minn esperjenzi matul ħajtu li jaffettwawh. Għalhekk fil-politika għandna naraw li nibqgħu niġu ispiratri minn dawn l-esperjenzi.

Il-proposti li tressqu dalgħodu huma diretti biex jindirizzaw b’mod pożittiv il-ħajja tal-bniedem, fejn il-bniedem jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tal-PN. Bernard Grech qal li fit-tmexxija tiegħu se jkun qed jara li kulħadd jibqa’ fiċ-ċentru ta’ kollox u jkollok Gvern li jurik li qed jaħseb fik.

Huwa qal li quddiemna għandna Prim Ministru li huwa mifxul… min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista kien lest fil-programm elettorali tiegħu li fih iktar minn 500 proposta.

Bernard Grech qal li għandna Partit Laburista li qed jikkopja l-proposta li qed iressaq il-PN. Prim MInistru li malli ħareġ isem Christian Borg mar u sejjaħ elezzjoni ġenetali.

Bil-proposti li ressaq il-PN dalgħodu, Gvern ġdid Nazzjonalista jnaqqas ir-rata ta’ taxxa fuq il-qligħ tan-negozji għal 15% fuq l-ewwel €500,000 profitt. Apparti dan il-PN se jgħin lil dak li jitilfu l-impjieg tagħhom.

Bernard Grech tkellem dwar l-iskema li qed jipproponi l-PN li jnidi skema ta’ appoġġ għall-ħaddiema u s-self-employed li jkollhom jieqfu mix-xogħol għal perjodu relattivament twil minħabba mard serju. Dan il-programm ikun jinkludi benefiċċju finanzjarju, kreditu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali lill-ħaddiema u lil min iħaddem, u appoġġ personalizzat ta’ terapija.

Apparti dan, Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħmel eżerċizzju li kull sena l-gvern iżid 50,000 metru kwardu ta’ art pubblika maż-żoni meqjusin barra miż-żona ta’ żvilupp. Sabiex art li hija barra miż-żona ta’ żvilupp tiddaħħal fiż-żoni tal-iżvilupp ikun jinħtieġ il-vot ta’ żewġ terżi tal-Parlament.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar proposta oħra, fejn se tkun indirizzata l-konġestjoni u jitnaqqsu l-vetturi li jaħdmu bil-fjuwil mit-toroq u tkun appoġġjata l-mobbiltà moderna u nadifa billi tingħata għotja ta’ €10,000 mifruxa fuq 5 snin biex aktar familji ikunu mħajra jeħilsu mill-vettura qadima tagħhom, bil-kundizzjoni li ma jerġgħux jiksbu vettura oħra tul il-perjodu.

Proposta oħra hi li Gvern Nazzjonalista jagħti rifużjoni tal-VAT sa €3,000 fis-sena lis-sidien tad-djar, għal kull post, fuq ix-xogħlijiet kollha li jindirizzaw materjalment in-newtralità klimatika u jnaqqsu l-konsum tal-enerġija b’mod ippruvat. Il-massimu tar-rifużjoni tiżdied għal €6,000 fil-każ tal-familji li jinkludu pensjonanti jew persuni b’diżabbiltà.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li huwa importanti li jkollna kwalità ta’ ħajja aħjar, aktar sport u ikel aħjar ta’ kwalità permezz ta’ prodotti lokali. Huwa qal li kulħadd għandu jsib bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.

Spjega wkoll kif il-kwalità tal-ħajja tiżdied meta l-istil tal-ħajja tiegħek jippermettilek tilqa’ għall-mard b’dieta sana u bl-attività fiżika. L-isport mhux biss isaħħaħ il-ġisem iżda jnaqqas it-tensjoni, iżid il-konċentrazzjoni u jtejjeb il-produttività. Jeżistu dixxiplini għal kull karattru u interess, u ħajja tajba tfisser li dawn ikunu aċċessibbli għal kulħadd. Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jinvesti f’ċentri sportivi ta’ eċċellenza u f’miżuri konkreti kontra l-obeżità.